Lokali

Twissija minħabba r-riħ qawwi li qed jaħkem fuq pajjiżna

It-twissija se tibqa' fis-seħħ sal-Erbgħa filgħodu

Il-Protezzjoni Ċivili ħarġet twissija minħabba r-riħ qawwi li qed jaħkem fuq pajjiżna.

Is-CPD qed tavża’ lill-poplu sabiex kemm jista’ jkun ma jersaqx lejn il-kosta, taħt siġar jew ħitan u strutturi li jistgħu jkunu ta’ periklu.

Madanakollu, l-ħaddiema huma anke mwissija sabiex ma jaħdmux fuq bjut, gallariji, scaffolding jew strutturi esposti għar-riħ.

Is-sewwieqa, huma mwissija wkoll sabiex isuqu bil-galbu u preferibbilment jevitaw illi jsuqu mal-kosta jew postijiet li jistgħu jinħakmu mir-riħ.

Dan filwaqt li kulħadd huwa mitlub li jorbot oġġetti fuq barra bħalma huma l-panelli fotovoltajiċi u tankijiet tal-ilma.

Ir-riħ illi beda tard it-Tnejn waranofsinhar, se jilħaq Forza 8 u anke 9, bir-riħ kapaċi jlħaq forza 10 waqt il-buffuri.

Jidher ukoll, li minħabba dan ir-riħ, il-baħar se jkun qawwi ħafna.

Din it-twissija mistennija testendi propju sal-Erbgħa.

Intant, dan ir-riħ qed jaħkem pajjiżna wara li ċ-ċiklun Harry ikkawża kundizzjonijiet tat-temp severi, hekk kif iż-żona qed tinħakem minn riħ kiesaħ li qed jiltaqa’ ma’ temperaturi tal-baħar li huma sħan. Bil-kaġun li jinħoloq ċiklun.