Lokali Temp

ĊIKLUN HARRY: 42 każ ta’ siġar li tqaċċtu, u 23 operazzjoni biex jitneħħa ġebel u tifrik mit-toroq

Fl-aħħar 24 siegħa, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili issejjaħ biex jintervjeni fuq 42 każ ta’ siġar li spiċċat tqaċċtu jew waqgħu – bir-riżultat li bdew jostakolaw toroq u passaġġi. Bil-pumpieri jissejħu b’urġenza sabiex ineħħu kull periklu.

Il-membri tas-CPD intervjenew ukoll fuq 23 sejħa sabiex neħħew ġebel jew tifrik li tkaxkar mir-riħ u l-mewġ qawwi kaġun taċ-ċiklun Harry.

Informazzjoni mogħtija mill-istess Dipartiment turi li kien hemm żewġ sejħiet relatati ma’ billboards li nqalbu bir-riħ, kien hemm persuna li ssakkar f’lift, u sejħa separata dwar periklu relatat mas-sistema tal-provvista tad-dawl.

Apparti minn hekk, is-CPD issejħu wkoll fuq 6 każi ta’ skart li ħa n-nar, tliet każi ta’ vetturi li ħadu n-nar, u sitt operazzjonijiet minħabba tixrid ta’ materjal jew kimika tossika.

Intqal ukoll li l-pumpieri assistew lill-membri tal-Pulizija f’każ separat, kif ukoll kien hemm żewġ każi mediċi li talbu l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili.

Intant, fuq il-media soċjali, il-Kap tal-PN Alex Borg sellem lill-uffiċjali kollha li fl-aħħar sigħat wettqu ħidma imprezzabbli biex jiggarantixxu sigurtà massima fit-toroq tagħna.

“Ħsibijietna bħalissa jmorru fuq il-forzi tal-ordni u l-ħaddiema kollha li b’xi mod jew ieħor illum jinsabu impenjati f’ħidma biex jiżguraw is-sigurtà tagħna fil-kundizzjonijiet estremi tat-temp li qed jolqtu lill-gżejjer tagħna.”

“Nappella lil kulħadd biex isegwi l-istruzzjonijiet li ngħataw mill-awtoritajiet biex nevitaw kull periklu sakemm tgħaddi din il-maltempata”, kiteb Alex Borg.