Lokali Temp

AĠĠORNATA: Iċ-ċiklun Harry jħalli ħerba u ħsarat f’diversi zoni qrib il-kosta

Twissija Oranġjo effettiva sat-8pm

Kien lejl mill-aktar impenjattiv għall-Protezzjoni Ċivili u għall-membri tal-AFM, li flimkien mal-Korp tal-Pulizija ħadmu għal sigħat twal sabiex jiggarantixxu s-sigurtà f’diversi zoni li sfaw milquta mill-maltemp u r-riħ qawwi. Dan hekk kif iċ-ċiklun Harry kaxkar miegħu siġar, bus stops u billboards bil-ħsarat ikkawżati jkunu konsiderevoli.

L-aktar zoni milquta minn dan ir-riefnu li laħħaq Forza 10 kienu Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Tas-Sliema, Pembroke, il-Qawra, San Pawl il-Baħar kif ukoll l-inħawi taċ-Ċirkewwa.

Anke f’Għawdex il-maltemp ħalla l-effetti tiegħu.

Bħala parti minn din il-ħidma ta’ emerġenza fit-toroq Maltin u Għawdxin, taw sehem kbir anke l-uffiċjali tal-LESA, u ta’ Transport Malta.

L-Universita ta’ Malta tul il-jum fetħet biex komplew l-eżamijiet tal-istudenti. Iżda servizzi oħra – bħat-tqassim tal-posta u l-ġbir tal-iskart – ġew sospiżi.

Intant, tliet titjiriet tal-linja Ryanair li kienu ġejjin Malta minn Bucharest, Vilnius, u Trieste kellhom jinżlu f’ajruporti oħrajn minħabba r-riħ qawwi li ħakem fl-aħħar sigħat.