L-għada li l-plejers tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo, waslu lura f’pajjiża bl-aqwa riżultat fl-istorja ta’ din il-logħba f’pajjiżna, fejn temmejna fit-13-il post fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej, Net News hu infurmat li l-Pulizija bdiet tibgħat għall-ewwel plejers biex tibda bil-proċess ta’ interogazzjoni tagħha.
Sorsi infurmati sew u li tkelmu magħna, qalulna li żewġ plejers ta’ żewġ klabbs differenti, illum irċevew telefonata biex għada jmorru fid-depot tal-Pulizija, sabiex ikunu jistgħu jsiru mistoqsijiet lilhom. Net News jifhem li dawn huma l-ewwel żewġ membri mill-iskwadra tal-kowċ Milan Ćirović, li qed tibgħat għalihom il-Pulizija. Għaldaqstant dan ifisser li l-Pulizija ħadet azzjoni mal-ewwel għar-rapporti li saru fil-jiem li għaddew b’allegazzjonijiet serji li numru ta’ plejers ta’ Malta setħgu għamlu mħatri fuq il-partiti li huma stess lagħbu fihom, waqt il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew.
Kien nhar il-Ġimgħa li għadda, ftit tal-ħin biss wara, li Malta kisbet l-ewwel rebħa f’din il-kompetizzjoni, li l-portal tal-aħbarijiet ta’ The Times, ħareġ din l-istorja li xxukjat lil dawk kollha li jsegwu l-isport f’pajjiżna iżda mhux biss. Skont l-ewwel rapport ta’ The Times, kien hemm numru ta’ plejers Maltin li kienu qed jiġu investigati.
Madankollu dak in-nhar li ħarġet l-istorja, il-President tal-ASA, Karl Izzo ċaħad dawn ir-rapporti u saħaq li la hu jew l-assoċjazzjoni li jmexxi “ma rċevejna ebda forma ta’ rapport, la mil-Pulizija, la mill-AIMS u lanqas mill-European Aquatics. Dan ifisser li f’dan l-istadjiu dawn l-allegazzjonijiet huma kollha għajdut għaliex kieku kien hemm xi forma ta’ provi, dawn kienu jinfurmaw lilna bħala assoċjazzjoni.”
M’huwiex sigriet li mill-mument li ħarġet din l-istorja fil-media, l-ispekukalzzjonijiet u l-għajdut dwar x’setgħa ġara u ma ġarax, ma waqfux u filwaqt li Net News bdeja insegwu din l-istorja fid-dettall, għażilna li nkunu prudenti f’dak li nirrapurtaw, konxji mill-fatt li nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda, Malta kienet se tilgħab l-aħħar żewġ partiti ta’ din il-kompetizzjoni.
Numru ta’ plejers u uffiċjali li tkelmu magħna, qalulna li l-atmosfera fid-dressing room mal-mument li kienet żvelata din l-istorja kienet waħda inkwetanti u li fixklet mhux ftit kwalunkwé forma ta’ ‘armonija’ li kien hemm bejn il-plejers.
Filwaqt li m’huwiex sigriet, li preżentament fit-tim nazzjonali Malti teżisti ‘gwerra tribali’ bejn plejers ta’ klabbs differenti, sforz ir-rivalitá lokali li teżisti bejn l-akbar tliet klabbs tal-waterpolo f’Malta, iġifieri Neptunes, San Ġiljan u Sliema, din l-istorja kompliet tikkomplika l-affarijiet.
Oħrajn li tkelmu magħna qaluna li kien miraklu kbir li Malta rrnexxilha tikseb dan ir-riżultat storiku, meta wieħed jikkonsidra ċ-ċirkostanzi li kien hemm fl-iskwadra u saħansitra fil-preparazzjoni tal-istaff tekniku u t-tmexxija tal-ASA għal dan l-akbar turnament Ewropew tal-waterpolo.
Net News hu infurmat li l-każ żvelat minn The Times, hu parti minn sensiela ta’ intriċċi u problemi li l-iskwadra ta’ Ćirović kellha tħabbat wiċċha magħhom qabel u waqt il-parteċipazzjoni Maltija f’din il-kompetizzjoni.
Diversi sorsi li tkelmu magħna, qalulna kif sa ftit jiem qabel l-iskwadra magħżula mill-kowċ nazzjonali telqet minn Malta, kien hemm plejers li intalbu jagħmlu test tad-doping. Din hija prassi normali, u li tiżgura li l-atleti Maltin ma jkunux taħt sustanza li m’hijix toleranti.
Madankollu li kien hemm stramb f’dan il-proċess din id-darba, kien li fejn normalment il-plejers li jiġu ttestjati għad-doping jintgħażlu b’polza, din id-darba l-affarijiet ġraw differenti.
Jum minnhom, waqt it-taħriġ ta’ filgħodu, l-uffiċjali tad-doping marru b’lista ta’ plejers speċifiċi biex dawn jagħmlu t-test tad-doping u filgħaxija, meta t-tim nazzjonali reġa’ kien qed jitħarreġ, l-uffiċjali reġgħu tfaċċaw għat-tieni darba f’ġurnata, din id-darba b’lista ta’ ismijiet ta’ plejers oħra. Għal darb’oħra dawn il-plejers kienu magħżula speċifikament u mhux bil-polza.
Ir-riżultati ta’ kull test li sar, fil-jiem ta’ wara kollha rriżultaw fin-negattiv.
Fi kliem diversi plejers, sitwazzjoni ta’ dan it-tip kompliet iżżid l-ansjetá fost il-plejers kollha fl-iskwadra Maltija għaliex bdew jaraw affarijiet mhux tas-soltu għalkemm min hu responsabbli biex jagħmel dawn it-testijiet, għandu kull dritt li jaġixxi b’dan il-mod.
Fis-Serbja l-atmosfera fid-dressing room ma kienitx l-aktar waħda idejali, sforz ‘il-gwerra tribali’ li lha preżenti fit-tim nazzjonali. Biex ngħidu kollox, wieħed irid ikun dilettant u jsegwi dan l-isport f’Malta biex jifhem kemm hi kbira din ir-rivalitá u għalhekk m’hijix faċli għal kwalunkwé kowċ sabiex jikkontrollha. L-episodju tat-tkeċċija ta’ Jake Muscat, wieħed mill-aqwa talenti żgħażagħ li għandha Malta fil-mument, kompliet iżid mal-pressjoni li kien hemm fid-dressing room, u mingħajr ma nidħlu fid-dettall ta’ dan il-każ, wieħed jifhem li żgur ma għenitx biex tissaħħaħ l-għaqda u l-armonija fl-iskwadra.
Fl-istess waqt, wieħed jifhem ukoll li l-ASA u l-kowċ, ma setgħux jinjoraw din il-problema u kellhom jieħdu deċiżjoni kif fil-fatt għamlu, irrelevanti jekk l-għażla kienitx waħda tajba jew ħażina.
Fl-isfond ta’ dawn il-kurrenti kollha, u r-riżultati b’telfiet tqal fl-ewwel partiti tal-grupp (għalkemm kien hemm telfiet fejn il-prestazzjoni tal-Maltin kienet waħda tajba kontra avversarju ta’ statura mondjali), l-istorja ppublikata minn The Times, kienet il-kulminu ta’ kollox u weġgħet lil ħafna, speċjalment dawk ġenwini għaliex ħarġet ftit wara li Malta rrnexxilha tikseb l-ewwel rebħa fil-Kampjonat Ewropew.
Diversi plejers li tkelmu magħna, faħru magħna l-mod ta’ kif Izzo u t-tmexxija tal-ASA indirizzaw l-affarijiet, kif ukoll kemm il-personalitá qawwija tal-kowċ Ćirović, mgħejjun mill-assistant kowċ, Jonathan Valletta, flimkien mal-influwenza li għandhom fuq sħabhom il-plejers tat-tim, bħal Steve Camilleri u Matthew Zammit, kienu determinati biex fil-mument tal-prova l-iskwadra ma tikkrollax.
Fil-fatt is-sehem ta’ dawn kollha, flimkien mal-qalb tal-bqija tal-plejers Maltin fis-Serbja, waslu biex fl-aħħar jumejn, Malta rebħet kontra s-Slovenja u s-Slovakkja u kklassifikat fit-13-il post fl-Ewropa.
Pero l-istorja ma waqfitx hawn, anzi għadha ħa tibda. Bir-raġun, il-Pulizija bdiet taħdem fuq il-każ li żvelat The Times wara li minn informazzjoni li għandu Net News, ir-rapport xokkanti sar lill-AIMS, li dawn minn naħa tagħhom ħadu l-affarijiet bl-akbar serjetá u għaddew kollox, kull informazzjoni li kellhom lill-Pulizija biex tkun tista’ tmexxi bil-każ.
Sal-lum ma kien hemm ebda intterogazzjoni ma’ plejer tat-tim nazzjonali, iżda minn għada l-Erbgħa, il-Pulizija se tkun qed titkellem mal-ewwel żewġ plejers, li għażlet li ssejjaħ, bit-tama li toħroġ il-veritá kollha dwar dak li ġara.
//= $special ?>

