Lokali Qorti

Il-Qorti tordna investigazzjoni biex jiġi stabbilit fejn jinsab l-espert tal-inkjesta Vitals Jeremy Harbinson

Il-Maġistrat Leonard Caruana ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiftaħ investigazzjoni bil-għan li jiġi determinat fejn jinsab Jeremy Harbinson, l-espert ewlieni tal-inkjesta Vitals, li qed jirrifjuta li jixhed fil-proċeduri kriminali li għaddejjin quddiem il-qrati Maltin fuq il-bażi tar-rapport li kien għamel hu stess.

Waqt il-proċeduri, l-avukati ta’ Harbinson iddikjaraw li dan m’għadux jinsab fir-Renju Unit, iżda rrifjutaw li jiżvelaw fejn qiegħed bħalissa. Din is-sitwazzjoni wasslet lill-qorti biex toħroġ digriet li fih enfasizzat li Harbinson għandu obbligu, skont il-liġi Maltija, li jagħti x-xhieda tiegħu bħalma hu mistenni minn kull xhud ieħor.

Il-Maġistrat Caruana nnota, madankollu, li mhuwiex ċar x’inhi l-pożizzjoni legali ta’ Harbinson taħt il-liġijiet tal-Irlanda ta’ Fuq. Huwa qal li l-qorti ma tafx jekk il-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq wettqitx investigazzjoni tagħha stess biex tikkonferma jekk huwiex minnu li l-espert Irlandiż telaq mir-Renju Unit. Fil-fatt, fil-qorti ħareġ li l-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq qed tqis il-każ bħala magħluq.

Fid-digriet tiegħu, il-Maġistrat Caruana rrimarka wkoll li mhuwiex magħruf jekk Harbinson ġiex notifikat formalment b’data u post sabiex jagħti x-xhieda tiegħu. Huwa rrefera għal informazzjoni li ngħatat mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi, li skontha l-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq kienu kkuntattjaw lill-avukati ta’ Harbinson u mhux direttament lilu.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti talbet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi biex jiġi stabbilit jekk humiex iqisu lil Jeremy Harbinson bħala notifikat uffiċjalment biex jixhed fil-proċeduri li għaddejjin quddiem il-Qorti Maltija.

Il-qorti talbet ukoll lill-awtoritajiet Ingliżi biex jikkjarifikaw jekk l-espert Irlandiż għandux dritt legali li jirrifjuta li jagħti x-xhieda tiegħu u jekk huwiex diġà għażel li jeżerċita dan id-dritt. F’każ li jirriżulta li Harbinson m’għandux tali dritt, il-qorti talbet li tkun infurmata dwar x’passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi fil-konfront tiegħu.