Raġel ta’ 61 sena residenti Birżebbuġa ġie illiberat minn kull akkuża relatata ma’ inċident tat-traffiku li seħħ f’Tas-Sliema fl-2023, wara li l-Qorti tal-Maġistrati sabet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien hu li kien qed isuq il-vettura involuta.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, fejn Hermann Vella kien akkużat li fis-6 ta’ Settembru 2023, għall-ħabta tas-7.45am fi Triq ix-Xatt, kien involut f’inċident ma’ vettura oħra u naqas milli jieqaf, jagħti d-dettalji tiegħu u jirrapporta l-inċident lill-Pulizija. Huwa kien ukoll akkużat li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawża ħsarat fuq vettura Audi A1 misjuqa minn persuna oħra.
Matul is-smigħ, xehdu diversi xhieda, fosthom il-persuna li kienet qed issuq il-vettura milquta, li spjegat kif trakk laqatha minn naħa waqt li kienet qed issuq fid-direzzjoni ta’ Tas-Sliema u baqa’ sejjer. Ix-xhud qal li ma rax wiċċ is-sewwieq, iżda rnexxielu jikteb in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura u rrapporta l-każ lill-Pulizija fl-istess jum. Xhud ieħor, li rrappreżenta kumpanija tal-assigurazzjoni, spjega l-ħsarat li sofriet il-vettura u l-ispejjeż tar-riparazzjonijiet, li kienu ta’ natura relattivament minuri.
Madankollu, il-Qorti innutat li minkejja dawn il-provi, ma ġiet ippreżentata ebda evidenza diretta li tistabbilixxi li Hermann Vella kien il-persuna li kienet qed issuq il-vettura akkużata fil-mument tal-inċident. Fl-affidavit tal-Pulizija, is-sid tal-vettura ma stqarrix b’mod ċar li kien l-akkużat li kien qed isuq f’dak il-ħin.
Għaldaqstant, il-Qorti qieset li l-livell ta’ prova rikjest mil-liġi kriminali ma ntlaħaqx u li l-akkużi ma ġewx ippruvati. Għal dawn ir-raġunijiet, Hermann Vella nstab mhux ħati tal-akkużi kollha u ġie illiberat minn kull ħtija u piena.
//= $special ?>

