Matthew Frendo residenti Bormla u Claire Satariano residenti tas-Sliema u li t-tnejn għandhom 50 sena ġew illiberati minn kull ħtija fuq għadd ta’ serqiet wara li l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, sabet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-allegazzjonijiet ta’ serq miġjuba kontrihom lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Huma ma nstabux ħatja dwar serq aggravat u reati relatati. L-akkużi kienu jinkludu serq ta’ diversi oġġetti, fosthom karozzi, muturi, għodda, stereo u minn ħwienet, b’valur totali li ma jaqbiżx €2,329.37 f’każijiet differenti.
Matthew Frendo li ma nstabx ħati ta’ seba’ serqiet kien akkużat li seraq Suzuki Samurai u oġġetti oħra minnu, filwaqt li Claire Satariano kienet akkużata li kienet kompliċi fis-serq tal-istess vettura u oġġetti oħra.
L-akkużi żiedu li Frendo u Satariano kienu involuti f’serq minn Autoworld, bejjiegħ tal-karozzi f’Ħaż-Żebbuġ u minn vetturi oħra fl-istess lokalità, flimkien ma’ każijiet ta’ riċediva. Wara li l-Qorti analizzat il-provi kollha, id-dikjarazzjoni tal-imputati u l-kuntest legali, ġiet konkluż li Frendo u Satariano ma kinux ħatja tal-imputazzjonijiet miġjuba kontrihom.
Il-Qorti qalet li mill-provi jirriżulta li l-pulizija involuti fl-investigazzjonijiet identifikaw numru ta’ kameras tas-CCTV li setgħu ikunu ta’ għajnuna għall-investigazzjoni. Dan per eżempju fir-rigward tas-serqa li seħħet fil-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 ta’ April 2023 minn ġewwa l-vettura tal-għamla Peugeot Bipper, kuntistabbli xehed li huwa kien mar fuq il-post fejn saret is-serqa u innota l-preżenza ta’ kamera tas-sigurtà li, fil-fehma tiegħu, setgħet tkun ta’ importanza għall-investigazzjoni.
Il-kuntistabbli, wara li identifika l-apparat, ġabar il-filmati, eżaminhom, ippreżentahom fil-proċess u estratta stills minnhom. Bl-istess mod, Surġent tal-Pulizija xehed li huwa kien mar fuq il-post bil-għan li jivverifika jekk kienx hemm aktar kameras li setgħu ikunu ta’ valur għall-investigazzjoni.
Minn dan l-istħarriġ instab li kien hemm kameras tas-sigurtà tal-kumpanija Attrans, li ġiet elevata mill-pulizija tad-DSU. Fir-rigward tas-serqa li seħħet fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Mejju 2023 u li fiha
insterqet vettura tal-għamla Suzuki Samurai, kuntistabbli xehed li huwa mar fuq il-post u skopra l-preżenza ta’ żewġt kameras tas-CCTV.
Dawn elevhom l-istess kuntistabbli. Aktar tard, meta l-vettura instabet fi Triq Dun Ciappara, il-kuntistabbli mar fuq il-post fejn osserva kamera oħra li kienet irreġistrat filmat relatat. Ix-xhud analizza dawn il-filmati
u ipproduċa stills minnhom u ippreżentahom bħala parti mill-provi.
Il-Qorti qalet li madankollu m’hemmx evidenza biżżejjed li tindika responsabbiltà kriminali u għalhekk, illiberat lill-imputati minn kull ħtija u piena. Il-każ kien jitratta allegat serq li skont il-prosekuzzjoni kien seħħ f’ċirkostanzi li kienu jindikaw involviment dirett taż-żewġ imputati.
Il-Pulizija, immexxija mill-Ispetturi Roderick Agius u James Mallia, sostniet li Frendo u Satariano kienu ħadu oġġetti li ma kinux tagħhom u li dawn l-oġġetti qatt ma ġew ritornati lis-sid allegat. Matul il-proċeduri, il-qorti semgħet ix-xhieda mressqa mill-prosekuzzjoni, fosthom uffiċjali tal-pulizija u persuni li allegatament kienu affettwati mis-serq.
Ġiet ippreżentata wkoll dokumentazzjoni relatata mal-investigazzjoni, inklużi rapporti u stqarrijiet li kellhom juru kif seħħ l-allegat reat u kif l-imputati kienu ġew identifikati bħala suspettati.
Madankollu, id-difiża mmexxija mill-Avukat David Bonello għan nom enfasizzat li ma kienx hemm provi diretti li juru li l-imputati effettivament wettqu s-serq. Ġew indikati nuqqasijiet fl-investigazzjoni, inkonsistenzi fil-verżjonijiet tax-xhieda u n-nuqqas ta’ rabta ċara bejn l-imputati u l-oġġetti allegatament misruqa.
Id-difiża sostniet ukoll li ċerti konklużjonijiet tal-prosekuzzjoni kienu bbażati fuq suppożizzjonijiet u mhux fuq fatti konkreti. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Sant Lia, qablet u rrimarkat li, filwaqt li setgħu nqalgħu suspett u dubji dwar x’seħħ, dawn ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-livell għoli ta’ prova meħtieġ fil-qasam kriminali, speċjalment f’każ ta’ serq fejn irid jiġi ppruvat kemm l-att innifsu kif ukoll l-intenzjoni kriminali.
Il-qorti saħqet li l-oneru tal-prova dejjem jibqa’ fuq il-prosekuzzjoni u li kwalunkwe dubju raġonevoli għandu jmur favur l-imputat. Għaldaqstant, il-qorti sabet li l-akkużi ta’ serq ma ġewx ippruvati kif mitlub mil-liġi u ddeċidiet li tillibera lil Matthew Frendo u lil Claire Satariano minn kull ħtija u piena. B’din id-deċiżjoni, il-proċeduri kontra tagħhom ġew fi tmiemhom, u l-qorti ordnat li jitneħħew kwalunkwe miżuri jew obbligi imposti fuqhom fil-kors tal-każ. L-Avukat David Bonello deher għal Frendo.
//= $special ?>

