Żagħżugħ ta’ 21 sena, li huwa bla xogħol u residenti Marsaskala, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li kkawża l-mewt ta’ sewwieqa ta’ mutur f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-lejl ta’ Lejlet il-Milied.
Stoyan Gafà deher quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, mixli li saq b’mod traskurat, negliġenti u perikoluż, li kien qed isuq taħt l-influwenza tad-droga, mingħajr polza tal-assigurazzjoni, u li kkawża ħsara kemm lill-karozza ta’ missieru kif ukoll lill-mutur misjuq mill-vittma, Angie Marlene Mesa Gonzalez.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif fit-24 ta’ Diċembru, għall-ħabta tat-3.30 ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata b’ħabta fi Triq Mikiel Anton Vassalli bejn Kia Picanto misjuqa mill-akkużat u mutur. Meta wasal fuq il-post, l-Ispettur Clive Abela arresta lil Gafà, anke fid-dawl tal-fatt li ftit jiem qabel, fl-20 ta’ Diċembru, kien diġà involut f’inċident ieħor b’vettura differenti.
Intqal li f’dik l-okkażjoni rriżulta li ma kellux assigurazzjoni, u li kumpaniji tal-assigurazzjoni qed jirrifjutaw li jassigurawh, bil-prosekuzzjoni tenfasizza li dan kien ir-raġuni prinċipali għaliex ġie arrestat ukoll fit-24 ta’ Diċembru.
Irriżulta wkoll minn testijiet tal-awrina li l-akkużat kien taħt l-influwenza tal-kannabis. Barra minn hekk, fil-qorti ġew miżjuda akkużi oħra fosthom li kien qed iġorr sikkina mingħajr liċenzja, li kellu fil-pussess tiegħu kokaina u kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għall-użu personali, li kiser kundizzjonijiet ta’ bail preċedenti, u li saq mingħajr assigurazzjoni f’data separata.
Id-difiża, immexxija mill-avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono, talbet ordni ta’ superviżjoni temporanja, filwaqt li spjegat li l-mewt ta’ omm l-akkużat affettwat serjament il-ħajja tiegħu. Din it-talba ġiet milqugħa mill-qorti, li mbagħad semgħet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi qalet li hemm riskju ta’ intraċċ tal-provi u li l-akkużat wera li mhuwiex affidabbli, speċjalment fid-dawl ta’ kundizzjoni preċedenti li ma kellux iwettaq reati ġodda. Id-difiża argumentat li dawn huma punti li jmorru għall-merti tal-każ u mhux għall-istadju tal-bail, u saħqet li l-provi kienu diġà ppreservati permezz ta’ inkjesta, li l-akkużat kien ilu kważi xahar fuq police bail u dejjem ikkoopera mal-awtoritajiet.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti laqgħet it-talba u tat lil Gafà l-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €30,000, b’kundizzjoni li jiffirma l-bail book kuljum. Għall-familja tal-vittma deher l-avukat Charles Mercieca, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Darlene Grima u Julian Scicluna, assistiti mill-Ispettur Clive Abela.
//= $special ?>

