Raġel ta’ 30 sena minn Birkirkara ġie lliberat minn kull ħtija u piena wara li l-Qorti tal-Maġistrati sabet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova, lil hinn minn kull dubbju raġonevoli, li kien responsabbli kriminalment għal offiża gravi kkawżata waqt inċident tat-traffiku.
Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, li kienet qed tippresjedi l-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, fil-kawża “Il-Pulizija kontra Damon Camilleri”. Camilleri kien akkużat li fil-5 ta’ Ġunju 2024, għall-ħabta tas-7.50pm, waqt li kien qed isuq vettura fi Triq Annetto Caruana, San Pawl il-Baħar, involontarjament ikkaġuna offiża gravi fuq tifel ta’ erba’ snin, Jordan Milanovic, allegatament minħabba nuqqas ta’ ħsieb jew traskuraġni.
Il-prosekuzzjoni kienet talbet ukoll li l-imputat jiġi skwalifikat mis-sewqan u li jitnaqqsulu l-punti mil-liċenzja. Il-Qorti semgħet x-xhieda tal-omm tat-tifel, Ivana Milanovic, li rrakkontat kif kienet qed timxi ma’ binha fuq il-bankina quddiem knisja f’Qawra, meta t-tifel ħareġ waħdu lejn it-triq u qasam minn bejn żewġ karozzi pparkjati.
Hija xehdet li hekk kif daħal fit-triq, it-tifel intlaqat minn vann li kien għaddej minn hemm. Mill-kontro-eżami rriżulta li t-tifel ħareġ għall-għarrieda fuq it-triq minn bejn vetturi pparkjati u li l-omm kienet warajh, mhux iżżommu minn idejh f’dak il-mument.
Il-Qorti nnutat ukoll li ma ġiet ippreżentata ebda prova li turi li Camilleri kien qed isuq b’veloċità eċċessiva jew ’il fuq mil-limitu permess, jew li kien hemm xi ksur ieħor tar-regoli tat-traffiku min-naħa tiegħu. Wara li kkunsidrat l-atti kollha, ix-xhieda u d-dokumentazzjoni, inklużi affidavits ta’ uffiċjal tal-pulizija u ta’ tabiba li ċċertifikat l-offiżi, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tilħaq il-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali.
Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li l-akkuża ma ġietx ippruvata u sabet lil Damon Camilleri mhux ħati, tilliberah minn kull responsabbiltà kriminali relatata ma’ dan il-każ.
//= $special ?>

