Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li tilqa’ l-appell imressaq mill-Avukat tal-Istat f’kawża kostituzzjonali li saret minn Isabelle Azzopardi kontra l-Bank of Valletta u l-Istat, u kkonfermat li l-qrati Maltin ma jistgħux jikkunsidraw ksur allegat tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li seħħ qabel it-30 ta’ April 1987.
Is-sentenza ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul. Il-kawża kienet tikkonċerna allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol imressqa minn Azzopardi, li kienet impjegata mal-Bank of Valletta u li fl-1979 kienet sfurzata tirreżenja mill-impjieg tagħha minħabba li żżewġet, skont politika u kundizzjonijiet li dak iż-żmien kienu japplikaw għall-impjegati nisa.
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, f’sentenza finali tal-22 ta’ Frar 2024, kienet sabet li Azzopardi ġarrbet ksur tad-dritt tagħha li ma tkunx diskriminata taħt l-Artikolu 45(2) tal-Kostituzzjoni u kienet tat kumpens ta’ €3,000 f’danni morali. Madankollu, kienet ċaħdet it-talbiet tagħha taħt il-Konvenzjoni Ewropea, billi rriteniet li l-fatti prinċipali tal-każ seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kapitolu 319 fl-1987.
Fl-appell inċidentali tiegħu, l-Avukat tal-Istat argumenta li l-Ewwel Qorti żbaljat meta, fis-sentenza preliminari tagħha tal-2017, ma laqgħetx l-eċċezzjoni ratione temporis marbuta mal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 319, li jipprojbixxi azzjonijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni għal fatti li seħħew qabel it-30 ta’ April 1987. Il-Qorti Kostituzzjonali qablet ma’ din il-pożizzjoni u enfasizzat li, minkejja li Malta kienet irratifikat il-Konvenzjoni fl-1967, il-qrati Maltin kisbu ġurisdizzjoni biex jisimgħu dawn it-talbiet biss wara l-1987.
Il-Qorti osservat li l-ilment ċentrali ta’ Azzopardi kien jirriżulta direttament mir-riżenja tagħha fl-1979 u li dan kien att wieħed u definit fiż-żmien. Skont il-Qorti, l-effetti li segwew fis-snin ta’ wara ma setgħux ibiddlu l-fatt li l-allegat ksur, jekk seħħ, seħħ qabel id-data rilevanti stabbilita mil-liġi.
B’din id-deċiżjoni, il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat ġurisprudenza stabbilita li tillimita l-applikazzjoni ratione temporis (minħabba ż-żmien jew il-perjodu ta’ żmien rilevanti għas-suġġett li qed jiġi kkunsidrat) tal-Konvenzjoni Ewropea fil-liġi Maltija, filwaqt li ħalliet fis-seħħ is-sejbien tal-Prim’Awla dwar il-ksur kostituzzjonali u l-kumpens mogħti fuq dik il-bażi.
//= $special ?>

