Mohamed Hamdan, ir-raġel ta’ 46 sena li bħalissa qed jaffaċċja akkużi serji ta’ qtil wara sparatura fatali ta’ Jean Paul Busuttil fil-Bidnija f’Ġunju li għadda, ġie meħlus mill-Qorti tal-Magistrati f’każ kriminali separat relatat ma’ allegat inċident ma’ uffiċjal pubbliku.
Il-Qorti tal-Magistrati preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Mohamed Hamdan – wara li l-provi ppreżentati ma setgħux jikkonfermaw lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien hemm ħtija kriminali.
Hamdan, residenti San Pawl il-Bahar kien qed jiġi mixli li fit-8:15 ta’ filgħodu, fi Spencer Hill fil-Marsa, għamel offiża u theddid u li ma obdiex ordnijiet legittimi mogħtija minn uffiċjal pubbliku waqt li kien qed iwettaq id-doveri tiegħu.
L-imputazzjonijiet kienu jinkludu wkoll allegata theddida kontra Joseph Busuttil, Manager ta’ Transport Malta, waqt li kien qiegħed jimmaniġġja l-moviment ta’ coach biex it-tfal jaslu b’sigurtà għall-iskola. Ix-xhieda ta’ numru ta’ persuni żvelat li Hamdan kien preżenti fil-post u involut fl-organizzazzjoni tal-moviment tal-vetturi.
Hamdan bħalissa jinsab fiċ-ċentru ta’ każ kriminali ferm iktar gravi. Huwa qed jiġi mixli bil-qtil volontarju ta’ Jean Paul Busuttil, ta’ 53 sena, negozjant u direttur ta’ Luxury Living plc, li miet fl-Isptar Mater Dei wara dak li l-Pulizija ddeskriviet bħala inċident ta’ road rage li eskala f’vjolenza fatali fis-sajf li għadda.
Skont il-prosekuzzjoni, l-inċident seħħ kmieni filgħodu fi Triq il-Konkos fil-Bidnija, wara ħabta żgħira bejn il-vetturi taż-żewġ irġiel li kkawżat biss ħsarat ħfief. Meta wasal uffiċjal tat-traffiku biex jevalwa s-sitwazzjoni, it-tensjoni bejn iż-żewġ sewwieqa allegatament kompliet tiżdied. F’dan l-istadju wasal l iben Hamdan fuq il-post.
L-allegazzjoni tal-prosekuzzjoni hija li Hamdan telaq minn fuq il-post fuq il-mutur ta’ ibnu u rritorna ftit wara armat b’arma tan-nar, li allegatament ipponta lejn Busuttil. L-uffiċjal tat-traffiku ħarab mill-post u ċempel għall-għajnuna tal-Pulizija.
Hamdan, ċittadin Libjan ta’ twelid Sirjan li ilu jgħix Malta mill-1994 u miżżewweġ lil ċittadina Maltija, qed jiġi akkużat bi tmien akkużi serji, fosthom omiċidju volontarju bl-intenzjoni li joqtol, li kkawża biża’ ta’ vjolenza bl-użu ta’ arma, ħsara kriminali li taqbeż il-€2,500, pussess ta’ arma tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja, qerda ta’ provi, u sewqan kontra s-sinjali tat-traffiku. Fid-dawl tal-kundanna jew każijiet preċedenti, qed jaffaċċja wkoll l-akkuża ta’ reċidiva.
Skont il-kontenut tat-testimonjanzi fir-rigward il-każ tal-inċident ma’ uffiċjal ta’ Transport Malta meta l-‘coach’ kien imblukkat fit-triq minħabba inċident, Hamdan baqa’ fuq il-post biex jikkordina u jassisti lit-tfal minorenni. Xhud innota wkoll li f’ħinijiet kritiċi, Hamdan ċempel lill-Pulizija biex tipprovdi appoġġ, u ma wera xejn li ried jagħmel xi ħaġa ħażina.
Ix-xhieda spjegat ukoll li l-imputat ma marx direttament fuq ix-xfier tal-coach b’intenzjoni aggressiva u ma kien hemm ebda battibekk fiżiku jew verbal aggressiv fil-post. Filwaqt li kien hemm diversi testijiet u affadavits, il-Qorti osservat li l-footage tal-body cam li kellu jipprovdi prova ċara ma ġiex ippreżentat quddiemha, u li l-oġġetti, inkluż manaretti li ma ġewx esebiti.
Il-Qorti ħadet nota wkoll li Hamdan ma ngħatax id-drittijiet tiegħu sħaħ waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija, inkluż id-dritt għall-assistenza legali u d-dritt tas-silenzju, li jqajmu dubju dwar il-validità tal-provi. Billi ma kienx hemm evidenza konkreta li tindika l-ħtija ta’ Hamdan u li setgħet tikkonferma lil hinn minn kull dubju raġonevoli, il-Qorti ssib li l-imputazzjonijiet ma jimmaterjalizzawx.
Għalhekk, Hamdan ġie illiberat minn kull ħtija u piena. Il-Qorti wriet kawtela u osservazzjoni fil-valutazzjoni tal-provi, u enfasizzat l-importanza ta’ dokumentazzjoni kredibbli u sħiħa, inkluż footage elettroniku, biex jiġi stabbilit il-livell ta’ prova meħtieġ fil-każi kriminali.
Għal Hamdan deher l-Avukat Nicholas Mifsud.
//= $special ?>

