Lokali Qorti

Multa u tnaqqis ta’ punti wara inċident tat-traffiku fil-Marsa

Raġel ta’ 28 sena residenti r-Rabat, Għawdex, ġie kkundannat għal multa ta’ €1,200 u tnaqqis ta’ sitt punti mil-liċenzja tas-sewqan wara li l-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati ta’ sewqan bla kont u li kkawża ħsarat b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Marsa fl-4.30am.

Carlos Xerri kien tressaq il-qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace b’rabta ma’ inċident li seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2024 għall-ħabta tal-4.35 ta’ filgħodu fi Triq Diċembru Tlettax, meta kien qed isuq vettura.. Il-Prosekuzzjoni akkużatu li, b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni, ikkawża ħsarat lil Infrastructure Malta u lill-Enemalta, kif ukoll li saq b’mod bla kont u li qabeż il-limitu tal-veloċità.

Matul il-proċeduri, rappreżentanta tal-Enemalta xehdet li l-ħsarat kienu ġew kompletament imħallsa minn Xerri u li għalhekk l-entità rtirat l-ilment tagħha, fatt li wassal biex l-ewwel akkuża tiġi rtirata. Xhieda oħra minn Transport Malta kkonfermat li nġabru filmati tas-CCTV relatati mal-każ wara talba mill-Pulizija.

Mill-affidavit tal-pulizija rriżulta li waqt l-intervista mal-awtoritajiet, l-imputat ammetta li kienet marret għajnu bih eżatt qabel l-inċident, ċirkostanza li wasslet lill-qorti biex issib li t-tieni u t-tielet akkużi kienu ppruvati. Min-naħa l-oħra, il-qorti kkonkludiet li ma tressqitx biżżejjed prova dwar l-akkuża li qabeż il-limitu tal-veloċità u għalhekk illiberatu minn dik l-akkuża.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti sabet lil Carlos Xerri ħati li kkawża ħsarat b’nuqqas ta’ ħsieb u li saq b’mod bla kont, u kkundannatu għal multa ta’ €1,200 flimkien ma’ tnaqqis ta’ sitt punti mil-liċenzja tas-sewqan tiegħu. Huwa ġie illiberat mill-akkuża dwar il-veloċità.