Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi
u
Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Ekonomija
u l-Intrapriża
Id-dejn ta’ pajjiżna qed ikompli jiżdied xahar wara l-ieħor u jilħaq rekords ġodda.
L-aħħar ċifri dwar il-finanzi tal-Gvern ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għat-tielet kwart tas-sena li għaddiet juru li d-dejn issa laħaq il-livell ta’ €11,215 miljun. Din iċ-ċifra ta’ aktar minn 11-il biljun ewro f’dejn hija ekwivalenti għal kważi €28,000 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.
Malta tinsab fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li daħħalna fiha l-Gvern Laburista f’Lulju tas-sena 2024. Dan minkejja li f’April li għadda, il-Ministru tal-Finanzi kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura kmieni.
Il-livell qawwi ta’ dejn li għabba lill-poplu bih Robert Abela, ifisser li Robert Abela, f’sena waħda biss, irnexxielu joħloq €1,050 miljun f’dejn ġdid, jiġifieri iktar minn biljun ewro. Ifisser ukoll li kemm ilu li sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.
Il-politika tal-Gvern Laburista se twassal biex id-dejn ikompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa tliet snin oħra, se jkun ittrippla d-dejn.
Dejn rekord minħabba ppjanar ħażin u għax Gvern bla viżjoni
Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-Gvern. Dan jammonta għal kważi miljun ewro kuljum.
Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv tal-Gvern, grupp ta’ esperti maħtura mill-Ministru għall-Finanzi bl-għan li jevalwaw il-politika finanzjarja u ekonomika tiegħu, ftit ilu wissa li l-infiq tal-Gvern se jpoġġi lil pajjiżna f’qagħda vulnerabbli, u appellalu biex isaħħaħ il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna.
Il-Gvern qed ikompli jżid id-dejn u l-iżbilanċ minkejja li llum kulħadd qed jirrikonoxxi li xorta mhu qed isir xejn biex jiġu indirizzati l-akbar problemi tal-pajjiż, fosthom l-għoli tal-ħajja li kompla jiżdied, problemi fil-qasam tal-infrastruttura, konġestjoni tat-traffiku ma taqta’ xejn, tniġġis fl-ibħra tagħna u kjuwijiet dejjem jitwalu fl-isptarijiet.
U waqt li l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern u d-dejn ta’ pajiżna jkomplu jiżdiedu bla kontroll, u l-imgħax fuq id-dejn ikompli tiela’, il-Ministri u sħabhom viċin il-Gvern ikomplu jitħanżru, l-infiq bl-addoċċ ikompli għaddej, waqt li jkompli ħerġin dejjem aktar skandli li huma xhieda ta’ Gvern li għejja, u li tilef kull kontroll fuq ir-riedni tal-pajjiż.
Sadattant l-irresponsabbiltà tal-Gvern ta’ Robert Abela fil-ġestjoni, fl-infiq u fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż kienet ukoll waħda mit-temi trattati mill-istess Robert Abela fid-diskors li għamel nhar il-Ġimgħa filgħaxija fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera fejn flok ammetta x-xenarju ta’ €11-il biljun f’dejn, għażel li jpinġi l-qagħda bħala waħda ta’ ward u żahar u li hi taħt kontroll.
Viżibbilment f’paniku fejn l-attakki fuq il-PN kienu kontinwi u agressivi u fejn il-bikja/karba tiegħu biex il-Laburisti jerġgħu jibdew jemmnu fih, Robert Abela naqas u evita milli jitkellem dwar id-diversi skandli li hu inondat bihom, dwar in-nuqqas ta’ governanza tajba, dwar membri fil-Kabinett li għadhom ma tkeċċewx għall-irresponsabbiltajiet tagħhom… bħal Roderick Galdes li ma jafx jistħi, dwar l-isfreġji ambjentali u l-bini bl-addoċċ kullimkien, dwar il-problemi ta’ konnettività bejn Malta u Għawdex, dwar l-għoli tal-ħajja u l-faqar dejjem jiżdied, dwar l-iżbalji tal-ARMS u l-ħabi mill-Ministru Miriam Dalli… u dwar l-inkwiet u l-ġlied intern fejn jaf li ma jgawdix l-appoġġ ta’ bosta minn dawk madwaru kemm fil-Gvern kif ukoll fit-Tmexxija tal-PL.
Robert Abela, li fil-jiem ta’ qabel, għamel kull pressjoni possibbli biex nhar il-Ġimgħa jkollu folla mdaqqsa ta’ partitarji jisimgħuh wara li Alex Borg – fil-jiem tal-festi – litteralment ġera bih fl-attivitajiet li l-PN organizza b’tant suċċess.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18 ta’ Jannar, 2026
//= $special ?>

