Opinjoni

Opinjoni: Nafu x’għandna, jew le?

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Pajjiżna dak li twelidna u għexna sa issa fih huwa mimli b’storja, kultura u wirt uniku. Għandna moħħna u l-ħeġġa li nużawhom fis-servizz tal-oħrajn u tagħna. Imma ninsabu sinjuri f’għelieqi morali u storiċi li ftit għandhom. Wieħed li f’ħafna jeħodna lura lejn il-mument meta dawn il-gżejjer ġew f’idejn l-Kavallieri ta’ San Ġwann. Kien minn dak il-mument li kellna storja differenti minn ta’ oħrajn. Ma bqajniex nimxu id f’id ma’ Sqallija. Imma bdejna triqtna fil-liġijiet, fid-deċiżjonijiet, fl-Istat, fl-għażliet kulturali partikolari tagħhom li llum għandna nifhmu li huma tagħna. Kienu huma li bnew u mxew fuq dak kollu li l-perjodu storiku li niddentifikaw mal-Barokk tagħna. Dak li Erin Serracino Inglott jiddeskrivi bħala dak “ta’ stil kapriċċuż; irregolari fit-tifsila, fil-għamla, speċjali, goff esaġerat artistikament.”

Kienu huma
Kienu huma li qegħdu l-pedament tal-istat modern tagħna llum fil-ħsieb u fl-istruttura tal-Ordni. Ma kenux il-Franciżi ta’ Napuljun Bonaparte (1769-1821) jew l-Ingliżi tal-ġeneruż Alexander Ball (1757-1809) imma dawn il-bnedmin ta ideat, ta’ kultura u attenzjoni li kellhom għal dak kollu li kien għaddej fid-dinja Ewropea ta’ madwarhom. Jista’ jkun li għal uħud huma simpatiċi u għal oħrajn le imma l-fatti dawk jibqgħu. Marbutin u f’dan mogħtija kredtu għal dak li aħna u dak li jinsab magħna. Jiddependi ċertament minna jekk dan il-punt neħdux ħsieb nikkoltivawh u nġibuħ lura għad-dawl inkella nidfnuh. F’dan jrid jingħad li jekk hemm min jaħseb li dak il-perjodu b’xi mod jħammrilna wiċċna fil-verità dan mhuwiex xejn minnu. Anzi nżid li l-preżenza tagħhom hawn maż-żmien ġibuhom jagħrfu l-wirt ta’ dak kollu li nġieb u li seħħ fil-miġja ta’ missierna San Pawl.

Parir
F’dan partikolarment sibt kitbet il-Kardinal Gianfranco Ravasi (1942) li kiteb tajjeb hekk “Purtroppo noi Europei, che abbiamo una straordinaria eredita culturale, la stiamo seppellendo sotto il manto grigio della smemoratezza e del consumismo. Dovremmo ricordare che il patrimonio spirituale e culturale del passato e’ la sorgente per credere e agire nel presente e futuro.” (Sfortunatament aħna l-Ewropej, li għandna eredità kulturali straordinaria, qed nidfnuha taħt il-gverta griża tal-konsumiżmu u tal-proċess uman li fih ninsew. Għandna niftakru li l-wirt spiritwali u kulturali tal-passat huwa l-fonti biex nemmnu, naħdmu u naġixxu fil-preżent u fil-futur). Din id-dikjarazzjoni ma saretx fil-konfront jew fil-ħsieb partikolari tagħna. Imma fil-verità naħseb li tapplika għalina wkoll. Għandna l-ewwel naraw kemm f’dan qiegħed iseħħ f’dawn il-gżejjer u t-tieni f’kemm aħna preparati biex inkunu aħjar quddiem dak kollu li aħna u li writna.

Inqtajna
Wieħed irid jistaqsi f’kemm inqtajna mill-għarfien tal-passat u kemm aħna rridu nmorru lura lejha. L-istorja, il-kultura, l-għerf, l-identità huma importanti għalina. Għandna nistaqsu jekk fil-ġurnata tagħna, fil-ġimgħa, fix-xahar u fis-sena tagħna x’jirbaħ l-interess uman tagħna. Kemm bnedmin ifittxu li jinformaw rwieħhom, b’kotba, bi programmi b’attività kulturali sabiex dak li kellna u għadu tagħna ma nitilfuħx mill-memorja kollettiva. Anzi kemm qed f’dan nikkumbattu sabiex inżommu din l-influwenza, identità nazzjonali biex mhux biss tiġi rikonoxxuta imma tibqa’ dik li minnha wieħed jitlaq biex ibaskat lilu nnifsu. Jassigura li huwa bniedem li qiegħed jgħix f’soċjetà li għandha sens u sustanza sħiħ u vera. Sfidi xejn faċli imma jistgħu jsiru.

F’dan nirregistraw
F’dan proprju nħoss li għandna nirreġistraw u nirrikonoxxu l-ħidma li ssir sena wara oħra din partikolari fl-erbatax-il waħda tagħha. F’dak li huma magħruf bħala l-Valletta Baroque Festival li f’ħafna huwa identifikat ma’ Kenneth Zammit Tabona (1956) li ninsab ċert li għal diversi ma għandux bżonn ta’ ‘introduzzjoni. Bniedem li f’dan kellu l-viżjoni li sena wara sena jassigura tliet ġimgħat ta’ mużika fil-maġġor parti dik li niddentifikaw mal-perjodu tal-Barokk. Fejn bnedmin li jfittxu l-kultura u l-mużika sabiħa jistgħu jmorru jisimgħu. Ħafna drabi biċċiet li qatt ma ndaqqu qabel f’pajjiżna. B’ġabra ta’ bnedmin minn diversi rkejjen tad-dinja. Dik li tiġi sija minn dawk li jdoqqu, jesegwixxu, ikantaw kif ukoll dawk li jiġu f’dawn il-gżejjer apposta biex ikun magħna.

Ninnota
F’dawn l-ewwel jiem tas-sena pajjizna mertu ta’ dan jsir ċentru kulturali magħruf. Sija għal-livell verament għoli tal-eżekuzzjoni kif ukoll fl-abbiltà tal-għażla intelliġenti tal-partijiet mill-varjetà kbira li għandna sabiex jiġu esegwiti. Ninnota kull darba li kull appuntament ikun mimli bin-nies. Ħafna darbi persuni li jigu apposta minn barra minn xtutna biex isegwu.
Aħwa ħutna ma humiex daqshekk qawwija imma hemm jkunu. Ftit assiwdi li jsegwu b’attenzjoni u mħabba lejn dak li jkun qiegħed jsir. Uħud minnhom jgħixu għal dawn l-mumenti fejn l-arja friska ta din l-mużika tagħtik s-saħħa. Biss il-verità hija li timmerita li jkun hemm aktar Maltin u Għawdxin li jigu għalihom. Aktar dawk li jkunu preparati sabiex jsiru jafu.

Għandna bżonn
Dejjem jekk ma aħniex ser niżbaljaw u nidfnu l-istorja sabiħa u unika tagħna l-appuntament jimmerita ferm iktar attenzjoni da parti tagħna. Irridu nibnu l-konoxxenza ta’ din il-mużika li ma tantx tindaqq. Irridu wkoll nikkultivaw il-fatt li hemm persuni Maltin li għamlu isem f’dak iż-żmien.
Dawk li jixirqilhom jinstemgħu u jiġu rikonoxxuti. Nammetti li kull darba li b’xi mod ikolli x-xorti li nkun preżenti għal wieħed minn dawn l-appuntamenti nibqa’ wieqaf naħseb. Fin-noti, fl-eżekuzzjoni nsibni sejjer lura fil-passat u fl-istess ħin nirrikonoxxi kemm ħaqqna dinjità. Kemm il-bnedmin hawn huma fil-vantaġġ li jġorru u huma parti minn proċess kulturali li beda flimkien mal-Kavallieri u għadu magħna llum. Forsi n-nar ma tantx huwa qawwi f’qalbna imma ma waqafx inemnem.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 20 ta’ Jannar, 2026.