Opinjoni

Opinjoni: Paniku dwar Għawdex

Tal-Labour dejjem neżlin ’l isfel jinsabu f’paniku kbir u allura - kif jagħmlu dejjem - qed ifajru wegħdi bl-addoċċ... imma l-poplu l-logħbatal-labour jafha

Chris Said
Shadow Minister għal Għawdex

Mela f’nofs din il-ġimgħa l-Gvern ta’ Robert Abela – f’paniku assolut – ħabbar li se jtejjeb il-konnettività bejn Malta u Għawdex billi jżid żewġ vapuri fil-Gozo Channel!
Naturalment m’aħniex boloh… proprju issa f’paniku kbir għaliex l-elezzjoni riesqa ġmielha, il-Labour irid ibellagħhielna li ilu jippjana l-investiment li ħabbar dil-ġimgħa biex tittejjeb il-konnettività bejn Malta u Għawdex mill-inqas sentejn!
Jekk ilu sentejn jippjana li jtejjeb il-flotta tal-Gozo Channel b’investiment ta’ €130 miljun, mhux aħjar jispjegalna allura għalfejn spiża daqstant kbira ma kenitx inkluża fil-Baġit 2026 li ħabbar il-Gvern, jew għalfejn almenu ma ssemietx fil-Baġit?
Jekk ilu sentejn jippjana dak li ħabbar f’nofs din il-ġimgħa, mhux aħjar jgħidilna għalfejn tul dawn is-sentejn li qed jgħidu li ilhom għaddejjin bl-istudji ma ssemma xejn li l-Gvern kien qed jaħdem fuq dan il-pjan?
Il-verità hi li l-Labour jinsab f’paniku. U issa li ġejja l-Elezzjoni Ġenerali, bħalma jagħmel dejjem, jibda jfajjar il-wegħdi u joħroġ bi proposti biex mingħalih jirbaħ il-voti.
Hi ħasra li f’dan il-każ ma kellux id-diċenza jammetti li fil-paniku li qabdu biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa favur Għawdex u l-Għawdxin, kulma għamel kien copy and paste tal-proposti li ilu jitkellem dwarhom il-Partit Nazzjonalista għat-titjib tal-konnettività bejn Malta u Għawdex.
Proposti li l-Oppożizzjoni ilha tressaq ’il quddiem snin sħaħ, u li dwarhom tkellem ukoll kemm-il darba l-Kap tal-Partit Alex Borg kemm ilu fil-kariga.
Li kieku l-Gvern Laburista sema’ minn dak li ilha tipproponilu l-Oppożizzjoni, kieku diġà qed ingawdu minn servizz modern bejn Malta u Għawdex kif jixraq lill-Għawdxin u l-Maltin fiż-żminijiet tal-lum. Imma issa se jkollna nistennew sal-2029 biex ikollna s-soluzzjoni, meta kieku ħasbu għalihom, is-soluzzjoni qiegħda f’idejna llum. Naturalment, aħjar tard milli qatt. Anke jekk kważi ħmistax-il sena tard.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18 ta’ Jannar, 2026