Lokali Qorti

Probation għal żewġt irġiel fuq riċettazzjoni ta’ karozza misruqa u tnejn oħra lliberati

Żewġt irġiel ġew ikkundannati għal ordni ta’ probation għal tliet snin wara li qorti kriminali sabithom ħatja ta’ riċettazzjoni ta’ karozza misruqa, filwaqt li żewġ imputati oħra ġew illiberati kompletament minn kull akkuża.

Id-deċiżjoni ngħatat mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, wara li l-Qorti eżaminat l-imputazzjonijiet imressqa kontra Patrick Ryan McGahern ta’ 34 sena residenti Wied il-Għajn, Johan Zammit ta’ 50 sena, wkoll residenti Wied il-Għajn, Matthew Micallef ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ u Patrick Saliba ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar.

Il-Qorti sabet li l-provi mressqa mill-prosekuzzjoni ma kinux biżżejjed biex jinstab li McGahern u Zammit kienu ħatja tal-akkużi dedotti kontrihom, u għalhekk illiberathom minn kull ħtija u piena. Min-naħa l-oħra, il-Qorti sabet lil Matthew Micallef u Patrick Saliba ħatja tal-ewwel u l-unika imputazzjoni miġjuba fil-konfront tagħhom, u ddeċidiet li tqegħedhom taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tas-sentenza.

Fil-fehma tagħha, il-Qorti qieset li, minkejja s-serjetà tar-reat ta’ riċettazzjoni, kien hemm ċirkostanzi li jiġġustifikaw sentenza ta’ natura riabilitattiva. Il-Maġistrat spjegat lill-ħatja l-konsegwenzi legali jekk jikkommettu reat ieħor matul il-perjodu operattiv tal-probation jew jekk jonqsu milli josservaw id-direttivi li se jingħatawlhom waqt is-superviżjoni tagħhom.

Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lid-Direttur tal-Probation u Parole, kif jipprevedi l-liġi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 533 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, Patrick Saliba u Matthew Micallef ġew ordnati jħallsu l-ispejjeż tal-proċedura, b’kull wieħed iħallas €680.43 lir-Reġistratur tal-Qorti, li b’mod totali jammontaw għal €1,360.85, somma li tirrappreżenta l-ispejjeż marbuta mar-relazzjoni tal-espert Joseph Mallia.

Il-każ kien jirrigwarda Nissan March, li kienet tappartjeni lil Clayton Chetcuti u li ġiet irrappurtata misruqa fl-2015. Il-vettura kienet instabet snin wara żarmata, b’investigazzjonijiet tal-pulizija jwasslu biex jitressqu l-erba’ rġiel.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti l-ewwel indirizzat il-kwistjoni tal-istqarrijiet li kienu ngħataw mill-imputati waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija, u ddeċidiet li dawn ma setgħux jintużaw bħala prova peress li ttieħdu mingħajr l-assistenza ta’ avukat. Dan wassal biex il-Qorti kellha tistrieħ biss fuq il-provi l-oħra li tressqu, inkluża x-xhieda u ċ-ċirkostanzi fattwali tal-każ.

Wara li analizzat il-provi, il-Qorti sabet li ma kienx hemm biżżejjed elementi biex McGahern u Zammit jiġu marbuta mar-reat, u għaldaqstant illiberathom minn kull akkuża. Madankollu, fir-rigward ta’ Saliba u Micallef, il-Qorti kkonkludiet li dawn kienu akkwistaw jew kellhom fil-pussess tagħhom vettura li kienet ta’ provenjenza illeċita, bi prezz baxx u mingħajr dokumentazzjoni, f’ċirkostanzi li kellhom iqanqlu suspett serju dwar l-oriġini tagħha.

Il-Qorti osservat li, b’mod partikolari, Micallef, minħabba l-attività tiegħu marbuta ma’ parts ta’ vetturi, kellu obbligu akbar li jivverifika l-provenjenza tal-karozza. Ikkunsidrat ukoll li t-tentattivi tal-imputati biex jitfgħu r-responsabbiltà fuq xulxin ma kinux kredibbli.

B’riżultat ta’ dan, Patrick Saliba u Matthew Micallef instabu ħatja ta’ riċettazzjoni skont il-Kodiċi Kriminali. Filwaqt li Saliba kellu fedina penali netta, fatt li tqies bħala element mitiganti, il-Qorti nnotat li Micallef kellu kundanna antika. Il-piena kellha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charlotte Curmi.