Lokali Qorti

Qorti tiddikjara kawżi estinti wara li imputati ngħataw maħfra presidenzjali fuq benefiċċji soċjali

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Caroline Farrugia Frendo, iddikjarat żewġ kawżi kriminali bħala estinti wara li l-imputat ingħataw maħfra presidenzjali b’rabta ma’ allegat abbuż ta’ benefiċċji soċjali.

F’kawżi mressqa mill-Pulizija kontra Gramon Schieda u Giuseppa Bugeja li kienu għadhom fi stadju preliminari u li fiha l-imputazzjonijiet lanqas biss kienu għadhom inqraw formalment. Il-Qorti nnotat li l-proċeduri kienu nbdew fil-15 ta’ April 2024 u kienu jirrigwardaw akkużi relatati ma’ pagamenti ta’ benefiċċji soċjali li allegatament ma kienux intitolati għalihom.

Matul il-proċeduri rriżulta li l-imputati kien applikaw għal maħfra presidenzjali u li fit-25 ta’ April 2024 il-President ta’ Malta ħarġet mandat ta’ maħfra ġenerali, suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom il-ħlas lura tal-ammonti rċevuti indebitament u l-obbligu li jixhed b’mod sħiħ u veritier f’kawżi relatati kontra terzi. F’Marzu tal-2025, l-imputat ingħata formalment il-maħfra presidenzjali, b’hekk sar persuna meħlusa minn kull responsabbiltà penali, sakemm josserva l-kundizzjonijiet imposti.

Fis-seduta tal-15 ta’ Jannar kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża talbu lill-Qorti sabiex il-kawża tiġi ddikjarata estinta. Id-difiża argumentat li, ladarba l-imputati huma obbligati li jixhdu kontra terzi skont il-kundizzjonijiet tal-maħfra, ma setax jibqgħu formalment akkużati f’kawżi pendenti għax dan jimpedihom milli jissodisfaw l-obbligi taħt il-maħfra presidenzjali.

Il-Qorti qieset ġurisprudenza kostituzzjonali u ċivili li tistabbilixxi li l-maħfra presidenzjali hija prerogattiva tal-President u mhijiex sindakabbli mill-qrati. Il-Maġistrat sostniet li, ladarba l-maħfra ngħatat, l-imputati għandom jitqiesu bħala persuni meħlusin minn kull responsabbiltà kriminali u li l-Qorti ma għandhiex is-setgħa li tkompli tissindika l-proċeduri fil-konfront tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti ddikjarat il-kawżi estinti, filwaqt li enfasizzat li kull kwistjoni dwar l-osservanza jew l-irtirar tal-maħfra tibqa’ fil-kompetenza tal-President tar-Repubblika. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tad-digriet tintbagħat lill-Avukat Ġenerali fi żmien 24 siegħa.