Lokali

Robert Abela jibqa’ jipprova jqarraq dwar kemm hawn żgħażagħ sidien ta’ djarhom f’Malta

L-istudju li qed jikkwota minnu Abela jirreferi għall-households, mhux għal żgħażagħ individwali taħt il-35 sena

Robert Abela qed ikompli jimmanipula ċ-ċifri b’mod selettiv biex joħloq stampa li ma tirriflettix ir-realtajiet li qed jgħixu ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Sostnew dan ix-Shadow Ministers Bernice Bonello u Ivan Bartolo hekk kif spjegaw li fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru pprova jbellagħhielna li disgħa minn kull 10 żgħażagħ taħt il-35 sena f’pajjiżna llum huma sidien ta’ djarhom. U ftaħar li din l-istatistika hija ferm aħjar minn dik fuq livell Ewropew.

Imma l-perċentwal ta’ 91% li qed jirrepeti apposta Abela – u li reġa’ semma fi tmiem il-ġimgħa – ma jirreferix għal żgħażagħ individwali li għandhom id-dar tagħhom, imma għal households fejn il-membri kollha huma taħt il-35 sena. L-istudju li kkwota Abela – u li dwaru giddbu wkoll il-fact-check li għamlet it-Times of Malta – jeskludi eluf ta’ żgħażagħ taħt din l-età li jgħixu mal-ġenituri tagħhom jew adulti oħra.

Din id-distinzjoni hija kruċjali u ġiet ikkonfermata mill-Bank Ċentrali stess li kellu joħroġ imeri lil Robert Abela. Li dan jiġi ppreżentat bħallikieku jfisser li kważi ż-żgħażagħ kollha f’Malta huma sidien ta’ dar huwa qarrieqi u żbaljat.

Fi ftit kliem, Robert Abela kien qed iqarraq għax l-istudju jħares lejn l-unitajiet familjari u mhux lejn l-individwi. U ma kienx qed jipprova jistabbilixxi kemm hawn żgħażagħ taħt il-35 sena li huma sidien ta’ djarhom – juri sempliċiment li fil-households fejn il-membri kollha għandhom sa 35 sena, 91% huma sidien tal-proprjetà li jgħixu fiha. Għalhekk ma jfissirx li 91% ta’ dawk kollha taħt din l-età huma sidien tar-residenza li jgħixu fiha.

Kulħadd jaf li r-realtà hija ferm differenti. Eluf ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin illum m’għandhomx għażla ħlief li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri jew jaqsmu akkomodazzjoni ma’ oħrajn, mhux għax iridu, imma għax il-prezzijiet tad-djar sparaw ’il fuq u qabżu kull livell raġonevoli, waqt li fl-istess ħin il-pagi baqgħu lura. Dawn iż-żgħażagħ qed ibatu biex jiksbu l-ewwel dar tagħhom jew anke biex jikru b’mod dinjituż – l-istatistika vera li ma jikkwotax Abela turi li llum prezz medju ta’ appartament f’pajjiżna jaqbeż l-€400,000 waqt li statistika aktar riċenti, din id-darba dwar il-prezzijiet tal-kiri, turi li l-affordabbiltà fil-kiri llum hija prattikament ineżistenti għal min irid jikri daru, b’kirjiet li qed jogħlew b’rata ferm akbar miż-żidiet fil-pagi u għall-għoli tal-ħajja.

Huwa ċar li ċ-ċifri li vvinta Abela mhux għax ma fehemx jew minħabba xi żball tekniku. Ta’ Abela kien tentattiv intenzjonat biex tiġi minimizzata problema serja li qed tolqot ġenerazzjoni sħiħa. Il-Prim Ministru jaf li l-istudju tal-Household Finance and Consumption Survey magħmul mill-Bank Ċentrali jittratta l-familji (households) u mhux iż-żgħażagħ bħala individwi, u xorta waħda jagħżel li juża ċ-ċifri biex jagħti interpretazzjoni falza u joħloq impressjoni qarrieqa.

Il-kwistjoni mhijiex l-analiżi tal-Bank Ċentrali, iżda kif qed tintuża. Meta wieħed jitkellem dwar il-futur taż-żgħażagħ u d-dritt tagħhom għal akkomodazzjoni affordabbli, hemm bżonn onestà u soluzzjonijiet konkreti – mhux statistika manipulata u retorika politika. Dak li qed naraw mhuwiex tmexxija serja, imma tentattiv li jinħbew problemi reali li ż-żgħażagħ qed iħossuhom kuljum fuq ġildhom.

Flok jindirizza l-problemi taż-żgħażagħ li jridu jsiru sidien ta’ djarhom, Robert Abela jigdeb fuqhom.