Internazzjonali

Spanja: Tirranka l-investigazzjoni dwar traġedja fost il-ġranet ta’ luttu

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez qal li hu determinat biex isib il-kawża tat-traġedja li seħħet f’pajjiżu fil-bidu tal-ġimgħa ..Traġedja fejn żewġ ferroviji ħabtu ma’ xulxin fil-limiti ta’ Cordoba, huma u għaddejjin f’direzzjonijiet opposti.

Sanchez suppost li kellu jitlaq lejn l-Iżvizzera biex jieħu sehem fil-Forum Ekonomiku Dinji li se jsir f’Davos, iżda hu insista li s-sitwazzjoni f’pajjiżu qed tieħu priorità assoluta – u fi żmien meta l-Gvern Spanjol ħabbar tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali.

Fl-aħħar sigħat, l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jużaw il-makkinarju tqil biex jirkupraw il-katavri tal-vittmi tat-traġedja li swiet il-ħajja ta’ 41, fost l-għexieren tal-midruba. L-iskwadri, għat-tieni lejl konsekuttiv, baqgħu jfittxu għal aktar katavri – u fuq kollox għall-persuni li jaħsbu li spiċċaw maqbudin taħt it-tifrik tal-vaguni.

L-inċident, fil-lejl tal-Ħadd, seħħ meta numru ta’ vaguni tqaċċtu minn ferrovija li kienet qed tivvjaġġa lejn Madrid u spiċċaw fuq binarji differenti – bir-riżultat li ħabtet magħhom high speed train li dak il-ħin kienet waslet fl-inħawi ta’ Adamuz.

L-investigazzjonijiet, għalissa, qed jikkonċentraw fuq il-possibbiltà ta’ ħsarat f’waħda mill-binarji u li kapaċi tkun fattur ewlieni għal din id-diżgrazzja.

Dan meta r-Re Felipe u r-Reġina Letizja ta’ Spanja, fl-aħħar sigħat, kienu qed jippjanaw biex iżuru s-sit fejn seħħet it-traġedja…Waħda mill-agħar ta’ dan it-tip fl-istorja moderna tal-pajjiż.