Lokali

Spiża ta’ €80,000, minbarra l-VAT, għas-Siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien

L-ispiża totali mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) għas-Siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien kienet tammonta għal €80,000 (VAT Eskluż). L-ispiża tinkludi l-materjal tas-siġra, it-trasportazzjoni, arranġamenti loġistiċi, assikurazzjoni u pubbliċità fost oħrajn. Kienu segwiti l-proċeduri applikabbli tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Owen Bonnici għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokal jgħid kemm ġiet tiswa s-siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien, il-Belt, quddiem il-Parlament.

Is-Siġra tal-Milied li ntramat din is-sena fil-Belt ġiet iddisinjata mill-artist Malti rinomat anki lil hinn minn xtutna Henry Galea. Din is-siġra kellha ornamenti li ġew magħmulin kollha bl-idejn u fost id-disinji  li saru kien hemm il-merill, iż-żebbuġa, il-ballottra, il-qabru u l-lampuka – simboli li konna naraw fil-muniti Maltin u li għalhekk huma marbutin mal-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna.

Apparti wkoll l-eluf ta’ dwal, ċfuf magħmulin bl-idejn u n-nutcrackers kbar imdawrin mas-siġra, ġiet ikkreata wkoll riħa apposta għal din is-siġra tal-Milied bil-għan li tinħoloq esperjenza multisensorjali.