Internazzjonali

Trump: ‘Se nippersisti bil-pjan dwar Greenland’…bl-UE qed taħseb f’reazzjoni

‘No Comment’….Sentenza qasira li qed jirrepeti l-President tal-Istati Uniti Donald Trump kulmenta l-media tistaqsih jekk hux lest li jirrikorri għall-forza biex jieħu l-kontroll ta’ Greenland…Territorju semi-awtonomu li ilu mis-snin ħamsin jifforma parti uffiċjali mir-Repubblika tad-Danimarka.

L-attitudni ta’ Trump kompliet tindika li l-Mexxej Amerikan qed jaħseb biex jirrikorri għal invażjoni ta’ Greenland mill-militar tiegħu f’każ li l-Potenzi tal-Ewropa jkomplu joġġezzjonaw għat-‘takeover’ potenzjali ta’ din il-gżira fl-Artiku mill-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni qed issir aktar fraġli u imprevedibbli, b’Donald Trump jinsisti li pajjiżu bilfors irid jieħu l-artijiet ta’ Greenland taħt idejh biex jaċċerta mis-sigurtà tal-Amerikani…Dan ukoll meta Washington qed jalludi għat-theddida min-naħa tar-Russja u ċ-Ċina….Pajjiżi li fi kliem Trump ‘ukoll qed jaħsbu biex jaħtfu t-territorju inkwistjoni’.

Jekk l-Istati Uniti twettaq tassew azzjoni militari biex taħtaf Greenland, dan għandu jitqies bħala attakk dirett fuq Stat sieħeb tan-NATO — f’dan il-każ id-Danimarka.

Sitwazzjoni bħal din għandha tattiva wkoll l-Artiklu 5 tal-Alleanza tal-Punent…Artiklu li jesiġi li kwalunkwe attakk armat fuq Stat membru tan-NATO għandu jkun ikkunsidrat bħala attakk fuq il-pajjiżi membri kollha tal-Alleanza u li jfisser li kull wieħed minn dawn il-pajjiżi  jkun obbligat li jgħin militarment lill-pajjiż li jkun ġarrab l-attakk – jiġi minfejn jiġi.

It-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa, sadanittant, kapaċi tiżdied, b’Donald Trump jinsab ‘mija-fil-mija’ lest biex jimponi t-tariffi ġodda għad-diversi pajjiżi Ewropej li qegħdin jiddefendu l-integrità territorjali ta’ Greenland u d-Danimarka.

U Trump, issa, indika li se jinsisti mal-Mexxejja Ewropej li ‘l-Istati Uniti mhix tisma’ dwar alternattivi ħlief il-kontroll assolut ta’ Greenland’…Messaġġ li hu beħsiebu jenfasizza waqt il-forum ta’ din il-ġimgħa f’Davos, fl-Iżvizzera.

Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Iżvezja huma fost il-pajjiżi li bagħtu l-kontinġenti tas-suldati fi Greenland bħala ġest simboliku ta’ solidarjetà u anki bħala forma ta’ twissija lill-Istati Uniti.

Iżda Trump qed jgħid li bl-ebda mod mhu se jirtira mill-pjan oriġinali għal Greenland waqt li insista mill-ġdid li dan it-territorju ‘hu kruċjali għas-sigurtà nazzjonali u globali’.

Fl-aħħar sigħat, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Ursula von der Leyen, qalet li t-tariffi li Trump lest li jimponi fuq l-Ewropa mill-1 ta’ Frar huma ‘żball kbir’ filwaqt li enfasizzat li l-Ewropa lesta għal reazzjoni ‘determinata u proporzjonali’ għal din is-sitwazzjoni.

Ir-risposta ta’ Trump – li fl-aħħar sigħat kellu wkoll taħditiet mas-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Mark  Rutte – kienet iċ-ċirkolazzjoni, fuq il-media soċjali, ta’  ritratti ġenerati mill-AI u li juru lill-President Amerikan qed iqiegħed bandiera tal-Istati Uniti fl-artijiet ta’ Greenland.