Lokali

Wara l-pressjoni tal-PN, Miriam Dalli tistenbaħ u titlob audit indipendenti dwar it-taħwid fl-ARMS

Wara li lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg appella biex it-taħwid fl-ARMS jiġi investigat mill-awtorità responsabbli mill-ħarsien tal-konsumatur u mir-regolatur, il-Ministru Miriam Dalli – li taħt ir-responsabbiltà politika tagħha taqa’ l-ARMS – sa fl-aħħar stenbħet u ħabbritilna li talbet li ssir b’mod immedjat audit minn kumpanija indipendenti tal-awditjar biex ikunu stabbiliti l-fatti kollha u jsiru r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa.

Konferma li fil-kontijiet tal-ARMS għad hemm it-taħwid, inkluż kontijiet ta’ meters ġodda li nħarġu anke fl-aħħar xahrejn u li wkoll qed joħorġu mingħajr l-Eko-riduzzjoni.

Issa li wara l-pressjoni li għamel il-Kap tal-PN, Miriam Dalli kellha tirreaġixxi u b’xi mod turi li qed tieħu xi tip ta’ azzjoni, il-Partit Nazzjonalista issa jistenna li l-audit jinvestiga sew dak li ġara biex insiru nafu l-verità kollha, inkluż kemm kienu preċiż l-eluf ta’ familji milquta oriġinarjament u kemm għad hemm kontijiet effettwati.

Sandanittant, stqarrija separata li nħarġet ilbieraħ mill-ARMS tikkontradixxi dak li qalet il-Ministru fl-istqarrija tagħha.

Għax filwaqt li l-Ministru issa qed tammetti li kien hemm it-taħwid – tant li ħasset il-ħtieġa li titlob lis-Segretarju Permanenti biex jaħtar b’mod immedjat audit indipendenti biex din il-kwistjoni tiġi investigata – fl-istess ħin fl-istqarrija tagħha l-ARMS reġgħet qaltilna li l-iżball effettwa perċentwal żgħir tal-klijenti tagħha u s-sistema issa qed taħdem kif suppost.

Kuntrarju għal dak li qed tgħid l-ARMS, iżda, huma l-konsumaturi stess li qed igiddbu lill-ARMS hekk kif wara li l-PN żvela dan it-taħwid fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, aktar nies komplew javviċinaw lill-Partit Nazzjonalista b’kontijiet ogħla li qed ikollhom iħallsu għax mill-kont tagħhom sparixxiet l-Eko-riduzzjoni li kienu jikkwalifikaw għaliha.

Huma kemm huma dawk milquta – hux mijiet jew eluf – jidher li għal-Labour in-nies tant saru biss numri li ftit mijiet jew eluf iħallsu ż-żejjed mhumiex problema.