Wara li l-Gvern inqabad li qed jibgħat kontijiet tad-dawl għoljin, issa l-Ministru Miriam Dalli ordnat lis-Segretarju Permanenti sabiex b’mod immedjat isir awditjar indipendenti.
Fi stqarrija l-Ministru Dalli insistiet li hemm bżonn isir dan l-audit sabiex mhux biss isir magħruf x’seħħ eżattament iżda jsiru wkoll ir-rakomandazzjonijiet meħtieġa. Dan wara li dan il-każ ta’ serq ilu erbat ijiem li ġie żvelat mill-PN – u l-Gvern baqa’ totalment fil-muta.
Fil-fatt, dan l-intervent tal-Ministru Dalli sar wara żewġ konferenzi tal-aħbarijiet indirizzati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, kif ukoll mix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut u Graziella Galea – u anke wara li Net News staqsa lil Dalli kemm hemm persuni affettwati minn dan is-serq.
Bil-Ministru ma tagħtix l-ammont iżda tgħid biss li kienu ftit.
L-ammont eżatt għadu qed jinżamm mistur.
Bħalma kien mistur l-hekk imsejjaħ żball tal-ARMS; għaliex li kieku l-Partit Nazzjonalista ma xeħitx dawl fuq dan kollu – kollox kien jibqa’ moħbi, inkluż minn naħa tal-Ministru Miriam Dalli, li issa qed titlob investigazzjoni awditjata.
L-ARMS minn naħa tagħha qed tibqa’ tinsisti li dan l-iżball tranġa minnufih. Madanakollu l-Partit Nazzjonalista kkonferma għal aktar minn darba li għad hemm min mhux jirċievi kontijiet bl-eko-riduzzjoni.
Biex issa, iċ-Chief Operations Officer tal-ARMS, Nikita Alamango, qed tgħid li l-kumpanija se tkun qed terġa’ tiċċekja li ħadd ma ntesa. Dan kollu wara li kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li jixħet dawl fuq din il-kriżi li qed taffettwa lil numru kbir ta’ familji Maltin u Għawdxin.


