Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, iddeċidiet li tilqa’ l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni mqajma mid-difiża u ddikjarat li l-azzjoni kriminali kontra Charles Cutajar ta’ 62 sena minn Marsascala hija estinta, u għalhekk illiberatu minn kull akkuża, li jmorru lura 32 sena.
Il-każ kien jirrigwarda avvenimenti li allegatament seħħew fil-lejl bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru 1994 f’Marsaskala. Cutajar kien akkużat li wettaq serq aggravat mill-Waterline Bar and Restaurant, li kien jinkludi vjolenza, il-ħin, il-mezz u valur li jaqbeż l-elf lira Maltija.
Barra minn hekk, kien mixli li kkawża ħsarat f’oġġetti ta’ ħaddieħor, li hedded verbalment uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, li kiser kundizzjoni ta’ sentenza preċedenti, u li kien reċidiv skont il-liġi. Il-Qorti fakkret li s-sentenza tagħha kienet limitata biss għad-deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-preskrizzjoni u mhux dwar il-mertu tal-imputazzjonijiet infushom.
Id-difiża sostniet li, skont il-liġi kif kienet fis-seħħ fl-1994, ir-reati attribwiti lill-imputat kienu soġġetti għal termini preskrittivi li ilhom li skadew. Skont is-sottomissjonijiet, l-aħħar darba li Cutajar ġie notifikat b’att tal-proċediment kienet fis-17 ta’ Ottubru 2005, u wara dik id-data ma kien hemm l-ebda notifika valida għal kważi 20 sena.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni argumentat li ż-żmien tal-preskrizzjoni kien ġie sospiż bl-introduzzjoni tal-Artikolu 687(2) tal-Kodiċi Kriminali fl-2002, li jipprevedi li l-preskrizzjoni tiġi sospiża minn meta ssir imputazzjoni sakemm tingħata sentenza finali.
Madankollu, il-Qorti ċċarat li din l-emenda daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002 u ma setgħetx tiġi applikata retroattivament għal reati allegatament imwettqa fl-1994, peress li dan ikun kontra l-prinċipju li l-imputat għandu dejjem jibbenefika mil-liġi l-aktar favorevoli għalih.
Il-Qorti rreferiet għal ġurisprudenza konsistenti tal-qrati Maltin, kif ukoll għan-noti tal-Professur Sir Anthony Mamo, fejn ġie enfasizzat li l-preskrizzjoni, għalkemm tinsab fil-parti proċedurali tal-Kodiċi Kriminali, hija fil-fatt istituzzjoni ta’ liġi sostantiva u għalhekk ma tistax tiġi applikata b’mod retroattiv jekk tkun ta’ detriment għall-akkużat.
Wara li eżaminat l-atti, il-Qorti sabet li l-ewwel imputazzjoni – dik ta’ serq ikkwalifikat – kienet iġġorr piena massima ta’ ħames snin priġunerija skont il-liġi tal-1994, u għalhekk kienet soġġetta għal perjodu preskrittiv ta’ għaxar snin.
Fid-dawl tal-fatt li l-imputat ma ġiex notifikat b’att proċedurali għal perjodu ta’ madwar 19-il sena, il-Qorti kkonkludiet li din l-imputazzjoni kienet preskritta, kif ukoll l-imputazzjonijiet l-oħra kollha li kienu soġġetti għal termini preskrittivi iqsar.
Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet l-eċċezzjoni tad-difiża, iddikjarat li l-azzjoni kriminali fir-rigward tal-imputazzjonijiet kollha kienet estinta bil-preskrizzjoni, u konsegwentement illiberat lil Charles Cutajar minn kull akkuża miġjuba kontrih. Għal Cutajar dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
//= $special ?>

