Internazzjonali

Greenland: Donald Trump mhux jippjana li juża l-forza

Filwaqt li d-destin ta’ Greenland jibqa’ l-aktar kwistjoni li, bħalissa, qed jinkwieta lill-Ewropa,

… il-President Amerikan Donald Trump wassal messaġġ ċar li qed ifittex negozjati immedjati għall-akkwist ta’ dan it-territorju semi-awtonomu li ilu għexieren ta’ snin parti mir-Renju tad-Danimarka.

Trump qal dan waqt diskors lill-Mexxejja tad-Dinja preżenti għall-Forum Ekonomiku Dinji organizzat f’Davos fl-Iżvizzera – fost l-istennija għal aktar żviluppi, f’sitwazzjoni li kapaċi tħalli wkoll riperkussjonijiet storiċi għall-Alleanza tan-NATO.

Donald Trump qal li l-Istati Uniti, probabbilment, mhi se tikseb xejn dment li hu ma jiddeċidix li juża forza eċċessiva.

Iżda wara din in-nofs-theddida, il-Mexxej Amerikan informa lill-mexxejja li ma jridx juża l-forza u li mhux se jirrikorri għal dan il-pass.

Il-kumment ta’ Trump li qed jeskludi l-użu tal-forza kellu wkoll impatt pożittiv għas-swieq fl-Istati Uniti wara ġranet ta’ incertezza.

Sadanittant, il-Mexxejja tal-Ewropa qed jappoġġjaw l-integrità territorjali ta’ Greenland u d-Danimarka u, fil-preżent, qed juru reżistenza kollettiva għall-politika espansjonista ta’ Washington.

Fl-aħħar jiem, Donald Trump hedded li jimponi tariffi ta’ għaxra fil-mija għall-prodotti li l-Istati Uniti timporta mingħand tmien pajjiżi Ewropej li qegħdin jopponu l-pjani tiegħu għal Greenland.

It-tariffi jistgħu jsiru effettivi mill-bidu ta’ Frar filwaqt li jitilgħu għal 25 fil-mija jekk il-pajjiżi jkomplu b’din l-oppożizzjoni sa Ġunju.

Madankollu, l-Ewropa qed taħseb ukoll fuq kif għandha tirreaġġixxi għal sitwazzjoni bħal din.