Lokali

Gvern li ma jippjanax ifalli lill-poplu anke fil-proġetti ġodda – PN

Għat-tieni darba fi ftit jiem sewwieqa spiċċaw jirriversjaw tul il-flyover tal-Imsida wara l-ilmijiet li nġabru fil-maltemp

Għat-tieni darba fi żmien tlett ijiem, karozzi li kienu qed isuqu fuq il-flyover il-ġdida tal-Imsida kellhom jirriversjaw tul il-flyover minħabba l-problema tal-għargħar.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers minn Bernard Grech u Toni Bezzina ġie spjegat li fis-17 ta’ Jannar, filmati fuq il-media soċjali wrew serbut karozzi tilgħin bir-reverse tul il-karreġġjata tal-flyover li tagħti fid-direzzjoni tal-Belt. Ilbieraħ filmati ġodda wrew eżatt l-istess sitwazzjoni. Dan minħabba l-ilmijiet li nġabru fiż-żona wara l-maltemp tal-aħħar jiem.

Meta l-Partit Nazzjonalista u l-Kunsill Lokali tal-Imsida appellaw lill-Gvern biex l-ewwel isolvi l-problemi l-oħra – fosthom il-bottleneck tal-iskatepark u l-problema tal-għargħar – qabel ikompli ghaddej bil-bini tal-flyover, il-Gvern ma riedx jisma’ u baqa’ għaddej kif ried hu.

Illum hu evidenti li anke f’dan il-proġett, ma kienx hemm ippjanar serju. Kieku  l-affarijiet saru kif suppost ma kienx ikollna sriebet ta’ vetturi jirriversjaw minn fuq flyover ġdida.

Jekk il-Gvern irid verament iħares is-sigurtà tas-sewwieqa tagħna, għandu jara li meta jiftaħ proġett dan ikun qed jiffunzjona kif suppost, xemx u xita.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-flyover saret. Wieħed jassumi li dan ifisser li suppost din tista’ tintuża mingħajr restrizzjonijiet u f’kull kundizzjoni tat-temp minghajr periklu għas-sewwieqa.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru Chris Bonett biex jaċċerta ruħu li din is-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha u jiżgura s-sigurtà tas-sewwieqa li jużaw il-flyover tal-Imsida anke meta tagħmel ix-xita.