Il-Bank of Valletta (BOV) daħal f’kollaborazzjoni strateġika ma’ Oracle Financial Services bil-għan li jimmodernizza l-pjattaforma teknoloġika tiegħu u jaċċellera l-vjaġġ lejn mudell operattiv li huwa ‘AI-first’. Din il-kollaborazzjoni fuq medda ta’ diversi snin ġiet formalizzata permezz ta’ Ftehim fil-Prinċipju, li jwitti t-triq għal trasformazzjoni ffukata fuq ‘cloud-native architecture’, b’kapaċitajiet imħaddma mill-Intelliġenza Artifiċjali (IA), u konformità regolatorja ‘compliance by design.’
Il-ftehim ġie ffirmat minn Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, u minn Sovan Shatpathy, Senior Vice President, Product Management and Development ta’ Oracle Financial Services. Preżenti wkoll għall-iffirmar, li sar hawn Malta, kien hemm Bjorn Ekstedt, Chief Information Officer tal-BOV, u Gerrard Mahony, Sales Director ta’ Oracle Financial Services.
“L-impenn tagħna fil-Bank of Valletta huwa ċar. Qegħdin nimmodernizzaw b’mod responsabbli u nżommu l-affidabbiltà li l-klijenti tagħna jistennew, filwaqt li nkomplu nevolvu biex inkunu tassew fornitur ta’ servizzi finanzjarji ‘AI-first’,” qal Kenneth Farrugia. “Is-sħubija mal-Oracle tfisser li qegħdin nibnu istituzzjoni aktar reżiljenti, innovattiva u ffukata fuq il-klijent għall-ġejjieni, bil-għan li noffru lill-klijenti tagħna l-aqwa servizz possibbli.”
Il-kollaborazzjoni hija mibnija fuq erba’ pilastri: governanza u involviment, konformità u ġestjoni tar-riskju, innovazzjoni u żvilupp ta’ ħiliet, kif ukoll eċċellenza fil-prestazzjoni. Dawn se jiggwidaw kull pass fit-trasformazzjoni, u jiżguraw superviżjoni u bini ta’ kapaċitajiet tul il-vjaġġ kollu. Sa nofs din is-sena 2026, il-BOV qed jippjana li jintroduċi ‘Oracle AI Agents’ fl-oqsma tal-fergħat u s-servizzi finanzjarji għall-kumpaniji, il-pagamenti u l-assigurazzjoni. Dawn l-aġenti se jissimplifikaw proċessi bħall-ħolqien tas-self, deċiżjonijiet dwar kreditu u l-interazzjoni mal-klijenti, biex jitwasslu servizzi finanzjarji aktar rapidi, aktar intelliġenti u aktar personalizzati.
“L-impenn tal-BOV li jimmodernizza b’mod responsabbli filwaqt li jħares il-fiduċja tal-klijenti jinsab fil-qalba u huwa l-pedament ta’ din it-trasformazzjoni,” qal Sovan Shatpathy. “Oracle qed jagħmel dan il-vjaġġ ‘AI-first’ tal-BOV possibbli billi jdaħħal l-Intelliġenza Artifiċjali, ‘cloud-native architecture’, u ‘compliance by design’ fil-qalba tal-mudell operattiv tal-Bank. Flimkien, qegħdin ngħinu lill-BOV jimxi aktar b’kunfidenza, billi jkabbar l-awtomazzjoni intelliġenti, isaħħaħ il-governanza u jwassal esperjenzi bankarji aktar personalizzati, mingħajr ma jikkumplika r-reżiljenza jew ir-rigorożità regolatorja.”
Din l-alleanza strateġika timmarka mument kruċjali fil-vjaġġ ta’ trasformazzjoni tal-Bank of Valletta, u ssaħħaħ l-impenn tiegħu lejn l-innovazzjoni, il-fiduċja u l-ħolqien ta’ valur sostenibbli għall-klijenti, l-azzjonisti u l-ekonomija.
//= $special ?>

