Il-Gvern jibdel il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin f’nofs il-laqgħa u meta l-Kumitat kien diġà beda
Il-Gvern Malti ivvota kontra riżoluzzjoni ta’ solidarjetà mal-poplu ta’ Greenland u tad-Danimarka li tressqet mill-Oppożizzjoni.
Din ir-riżoluzzjoni tressqet fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin mix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami.
Għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-Deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, Mario de Marco u Bernard Grech. Għall-Gvern ipparteċipaw id-Deputati Laburisti Edward Zammit Lewis, u Carmelo Abela.
Fil-bidu tal-laqgħa saret preżentazzjoni minn David Mansfield, Uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami staqsa meta, kif u fejn il-gvern Malti wera solidarjetà mal-poplu ta’ Greenland.
L-Uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin David Mansfield qal li dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ solidarjetà saru waqt il-working groups fi Brussell u żied li l-Ħamis se jsir Kunsill Ewropew straordinarju li fih il-Prim Ministru Malti se juri solidarjetà mal-poplu tad-Danimarka u ta’ Greenland. Hu qal li s’issa l-Gvern Malti għadu ma għamilx dikjarazzjoni pubblika dwar Greenland waqt li l-Istati membri tal-UE kollha għamlu dikjarazzonijiet pubbliċi ta’ solidarjetà.
David Mansfield qal li s’issa kien hemm il-membri tan-NATO li esprimew is-solidarjetà mad-Danimarka u Greenland. Hu qal li jaqbel mal-Gvern Malti li ma kienx hemm bżonn jgħaġġel biex jiddikjara pożizzjoni favur Greenland u d-Danimarka.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li ċ-ċittadini ta’ Greenland huma ċittadini tad-Danimarka u għalhekk tal-UE. Hu qal li l-impożizzjoni tat-tariffi mill-Istati Uniti fuq pajjiżi li appoġġjaw lil Greenland sakemm l-Istati Uniti jakkwistaw Greenland hi użu ta’ forza finanzjarja. Mario de Marco qal li ċ-charters tan-NU ma jaċettawx li pajjiż jieħu territorju ta’ pajjiżi oħra u għalhekk dak kollu li qed isir imur kontra l-prinċipji tan-NU.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li fi Greenland diġà hemm bażi Amerikana u li Greenland taqa’ taħt il-protezzjoni tan-NATO. Kieku pajjiż ieħor jattakka Greenland jiskatta t-Trattat tan-NATO biex Greenland tkun difiża.
Għalhekk ladarba Greenland hi taħt il-protezzjoni tan-NATO, m’hemm l-ebda raġuni għaliex pajjiż membru tan-NATO jieħu Greenland għaliex dak hu diġà inkluż fit-trattat. Għalhekk Malta, l-inqas li tsita’ tagħmel hu li tesprimi solidarjetà mal-poplu Daniż u ta’ Greenland u li jkun konfermat li Malta tippretendi li l-pajjiżi demokratiċi, inkluż l-Istati Uniti għandhom jirrispettaw it-trattati tan-NU.
Mario de Marco qal li l-kawtela ma twassal għal imkien għaliex dan hu żmien li l-pajjiżi kollha Ewropej jesprimu s-solidarjetà tagħhom mal-poplu Daniż u ta’ Greenland u jiddikjaraw li dak li qed isir hu theddida li mhijiex aċċettabbli.
Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis ma qabilx mad-dikjarazzjoni dwar jekk Greenland hijiex parti mill-UE.
David Mansfield ma ħax pożizzjoni dwar dan u qal li l-messaġġ tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hu d-djalogu.
Id-Deputat Nazzjonalista Bernard Grech qal li kull dikjarazzjoni li saret hi attakk fuq is-sovranità ta’ poplu li xtaq jibqa’ jgħix ħajtu fil-kwiet. Malta tinsab tard u għalhekk dan il-Kumitat għandu jiddikjara solidarjetà mal-poplu ta’ Greenland.
David Mansfield qal li l-working groups huma fuq livell tekinku waqt li Edward Zammit Lewis qal li kien hemm disa’ membri tal-UE li ħadu pożizzjoni dwar Greenland.
David Mansfield ikkonferma wkoll li għal dawn il-working groups ma jattendux ill-ministri u għalhekk id-dikjarazzjonijiet saru minn uffiċjali tekniċi.
Id-Deputat Nazzonalista Beppe Fenech Adami qal li l-uniku dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg kienet li Malta m’għandhiex tieħu pożizzjoni uffiċjali dwar Greenland.
Id-Deputat Laburista Carmelo Abela tkellem fuq l-importanza tal-kawtela u qal li l-Gvern Malti għamel dikjarazzjoni f’livelli differenti. Hu ma qabilx li għandha ssir dikjarazzjoni mill-Kumitat Parlamentari.
Id-deputat Laburista Amanda Spiteri Grech ukoll tkellmet favur kawtela u qalet li din mhijiex dgħjufija. Hi appellat biex ikun hemm iktar diskussjoni u qalet li ma taqbilx li Greenland hi parti mill-UE.
Beppe Fenech Adami qal li fir-riżoluzzjoni hemm tħassib li l-President Amerikan Donald Trump għamel dikjarazzjonijiet ta’ attakk fuq pajjiż membru fl-UE, fuq it-trattati tal-UE u joħolqu inkwiet fkull pajjiż inkluż pajjiż żgħir bħal Malta. Dawn huma prinċipji li dwarhom hemm qbil u li dawn qed jinkisru. Kulħad jibqa’ jawgura li s-sitwazzjoni tkun solvuta bid-diskussjonijiet.
Edwrad Zammit Lewis qal li l-gvern qed jieħu pożizzjoni prudenti u m’għandha xejn kontra l-kontenut tad-dikjarazzjoni kif tressqet. Għalhekk hu prudenti li l-Kumitat jistenna l-eżitu tas-Summit Ewropew u li dikjarazzjoni tal-parlament tkun iktar adatta.
Beppe Fenech Adami qal li l-PN qed jitkellem fuq prinċipji li l-Kumitat għandu jkollu l-kuraġġ li jipproteġi. Hu talab vot fuq ir-riżoluzzjoni tal-Oppożizzjoni.
Meta Edward Zammit Lewis qara l-ismijiet tal-membri tal-Kumitat, Beppe Fenech Adami irrimarka li ma kien hemm l-ebda informazzjoni li l-gvern kien bidel il-membri tiegħu f’dan il-kumitat. Irriżulta li fil-fatt il-membri tal-gvern inbidlu waqt li s-seduta kienet għaddejja.
L-Iskrivan tal-Kamra informat lill-kumitat li kienet intbgħatet email mill-whip tal-Gvern biex jinbidlu żewġ membri tal-gvern.
Fil-votazzjoni d-deputati Nazzjonalisti Bernard Grech, Mario de Marco, Carm Mifsud Mifsud u Beppe Fenech Adami vvotaw favur ir-riżoluzzjoni waqt li d-deputati Laburisti Carmelo Abela, Stefan Zrinzo Azzopardi, Amanda Spiteri Grech u Alex Muscat ivvotaw kontra r-riżoluzzjoni.
Ir-riżultat kien 5 deputati (Laburisti) kontra u 4 deputati (Nazzjonalisti) favur.
Id-Deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi kien qed jissostitwixxi lill-Ministri Ian Borg waqt li d-deputat Laburista Alex Muscat kien qed jissostitwixxi lil Naomi Cachia. Fil-mument tal-votazzjoni daħal fil-kumitat id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield li nsista li jtiekkel meta dan kien diġà sostitwit fil-kumitat. Quddiem din is-istwazzjoni Beppe Fenech Adami rrimarka li l-gvern kien ġab dan il-kumitat farsa.
Il-kumitat idduskuta wkoll is-sitwazzjoni fl-Iran fejn il-membri tal-Oppożizzjoni appellaw biex ikun hemm solidarjetà mal-poplu Iranjan u kundanna totali dwar kif ir-Reġim aġixxa. Beppe Fenech Adami ressaq din ir-riżoluzzjoni ta’ solidarjetà mal-poplu Iranjan u ta’ kundanna għar-Reġim Iranjan. Beppe Fenech Adami staqsa jekk il-gvern għandux problema anki hawn li jikkudanna lir-Reġim Iranjan. Wara diskussjoni kien hemm qbil unanimu fuq riżoluzzjoni konġunta.
//= $special ?>

