Lokali

Il-ħsarat f’Għar Lapsi “jammontaw għal miljuni ta’ ewro”

Il-ħsarat li hemm fil-bajja ta’ Għar Lapsi kapaċi jammontaw għal miljuni ta’ ewro, hekk kif iċ-ċiklun Harry li laqat lil pajjiżna fil-bidu tal-ġimgħa kkaġuna ħsarat estensivi f’din il-bajja tant popolari.

It-Tlieta filgħodu crew ta’ Net News żar Għar Lapsi – u malli inżilna lejn il-bajja, mal-ewwel stajna ninnutaw id-devastazzjoni li hemm – hekk kif din iz-zona prattikament inqerdet għal kollox. Dan apparti l-fatt li sa filgħodu, il-baħar kien għadu qawwi u l-mewġ kien għadu ferm għoli.

Ir-riħ qawwi u l-mewġ kaxkru dak kollu li sabu quddiemhom. U l-blat li kien hemm fuq ix-xellug tal-bajja spiċċa tkaxkar bis-saħħa tal-baħar.

Fil-post inġabru numru ta’ persuni – fosthom sajjieda – li lkoll jinsabu inkwetati wara dak li sabu ma wiċċhom. Dan filwaqt li esprimew magħhna kif huma qatt ma raw xeni bħal dawn f’ħajjithom.

Oħrajn ddeskrivew dak li kienu qed jaraw bħal qisu seħħet xi splużjoni fil-bajja.

Tkellmu magħna wkoll uħud mis-sidien tal-garaxxijiet li ġarrbu ħsarat kbar u qalulna li għadhom ma jafux jekk jistgħux isalvaw id-dgħajjes li għandhom jew jekk inqerdux għal kollox. Huma esprimew d-diżappunt tagħhom li r-rampa li kien hemm – li kienet unika għal pajjiżna – issa inqerdet għal kollox u jinsabu f’limbu dwar x’se jiġri.

Minn naħa tiegħu, s-Sindku tas-Siġġiewi Julian Borg wiegħed li se jagħmel minn kollox sabiex din il-bajja terġa’ titgawda mill-pubbliku filwaqt li spjegalna wkoll li l-ħsarat tant huma kbar li kapaċi jammontaw għal miljuni ta’ ewro.