Raġel ta’ 35 sena ġie lliberat minn kull ħtija wara li l-Qorti sabet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li kien hu li kkawża ġrieħi gravi lil sieħbu fl-appartament li kienu jaqsmu bejniethom.
Abdifatah Abdullah Gafow, ċittadin Somalu li jgħix Birżebbuġa, kien mixli li fl-1 ta’ Ġunju 2024 ikkaġuna ġrieħi gravi lil Guuled Abdi Afrax waqt argument dwar somma flus. Huwa kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Quddiem il-Qorti, surġent tal-pulizija xehed li meta mar fuq il-post sab raġel mimdud mal-art u ieħor li allega li kien qala daqqa ta’ sikkina. Gafow ittieħed l-għassa tal-pulizija biex jagħti l-verżjoni tiegħu ta’ x’ġara, filwaqt li Afrax ittieħed l-isptar għall-kura.
Is-surġent qal li fl-appartament instabu żewġ biċċiet injam kif ukoll sikkina u xafra. Huwa kkonferma li fuq is-sikkina ma nstab l-ebda demm. Wara dan, Gafow ġie arrestat. Mill-provi rriżulta li l-argument kien inqala’ minħabba €150 li allegatament kienu fil-but ta’ Gafow. Afrax sostna li ma sabx il-flus, filwaqt li l-akkużat insista li hu ma kienx ħa l-flus.
L-argument eskala f’konfront fiżiku, bil-verżjoni ta’ Gafow tkun li ddefenda ruħu billi uża biċċa injama. Afrax iżda għażel li ma jixhidx fil-proċeduri wara li ħareġ li seta’ hu wkoll jiġi akkużat b’rabta mal-inċident. Tabib xehed li Afrax sofra diversi feriti żgħar fil-ġilda fuq idu tal-lemin, fuq il-polz tax-xellug u fuq iż-żewġ ħuġġbejn, kif ukoll żewġ qtugħiet żgħar fuq ġbinu.
CT scan wera wkoll ksur imċaqlaq fir-raba’ kustilja fuq in-naħa tax-xellug, u dawn il-ġrieħi ġew ikklassifikati bħala gravi. Raġel ieħor li kien fl-appartament qal li kien fil-kamra tas-salott waqt li l-argument seħħ fil-kċina, u li hu flimkien ma’ persuna oħra intervjena biex jifred lill-partijiet. Xhud ieħor stqarr li ra biss ġlieda fiżika bejn iż-żewġt irġiel, mingħajr ma ra l-użu ta’ xi arma jew oġġett irregolari.
Pulizija li nzerta kien qed isuq fi Triq Birżebbuġa qal li ra lil Afrax jaqa’ mal-art u talab assistenza medika. Huwa qal ukoll li Afrax indika lejn raġel li kien qed jidħol fl-għassa tal-pulizija u allega li “dak sikkini”. Il-Qorti nnotat ukoll li l-akkużat kien ta stqarrija lill-pulizija dwar l-inċident, iżda din qatt ma ġiet ippreżentata mill-Prosekuzzjoni waqt il-proċeduri.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, fakkret li wieħed mill-prinċipji fundamentali fil-liġi kriminali hu li l-akkużi jridu jiġu ppruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Il-provi għandhom jitqiesu kemm individwalment kif ukoll flimkien, u evidenza ċirkostanzjali trid tkun ċara u mhux ambigwa.
Il-Qorti osservat li x-xhieda tal-pulizija dwar dak li allega Afrax kienet hearsay u għalhekk inammissibbli, peress li l-allegat vittma ma xhedx. Barra minn hekk, xhieda oħra kkonfermaw li raw biss ġlied bl-idejn u mhux l-użu ta’ xi arma, filwaqt li ma kien hemm ebda prova teknika li torbot lil Gafow mal-oġġetti irregolari li nstabu fl-appartament.
Minħabba dawn l-inkonsistenzi u n-nuqqas ta’ rabta evidenzjarja soda, il-Qorti ddeċidiet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tissodisfa l-livell ta’ prova meħtieġ. Għaldaqstant, Abdifatah Abdullah Gafow ġie lliberat minn kull ħtija u piena. L-Avukat Francesca Zarb dehret bħala difiża.
//= $special ?>

