Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat minn kull ħtija lil Alessandro Patane ta’ 46 sena, residenti San Ġiljan u li huwa ta’ nazzjonalità Taljana fuq każ ta’ fastidju u theddid. Is-sentenza ngħatat f’kawża kriminali mressqa mill-Pulizija kontra Patane b’rabta ma’ allegat fastidju, theddid u użu ta’ forza kontra Heikki Samuli Koivula.
Patane, kien akkużat li f’Diċembru 2024 u fix-xhur ta’ qabel, f’Msida u f’postijiet oħra fil-gżejjer Maltin, kkaġuna biża’ ta’ vjolenza lill-allegat vittma, segwa kors ta’ mġiba li jammonta għal fastidju, u uża forza li rriżultat fi ġrieħi ħfief, kif iċċertifikat minn tabib. Il-prosekuzzjoni kienet ukoll talbet li, f’każ ta’ ħtija, jiġu applikati miżuri ta’ protezzjoni favur il-vittma skont il-liġi.
Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ diversi uffiċjali tal-pulizija u ta’ tabib permezz ta’ affidavits, kif ukoll ix-xhieda diretta ta’ Heikki Samuli Koivula. Madankollu, matul is-seduta ħarġu diffikultajiet sinifikanti dwar id-dati rilevanti għall-akkużi.
Il-Qorti enfasizzat li kienet marbuta b’mod strett bid-dati indikati fl-att tal-akkuża, jiġifieri Diċembru 2024 u l-perjodu immedjat ta’ qabel, u ma setgħetx tqis episodji li seħħew xhur qabel, bħal f’Marzu 2024, kif ipprova jagħmel ix-xhud.
Ix-xhieda dwar l-10 ta’ Diċembru 2024 meta allegatament seħħ l-inċident kienet, skont il-Qorti, problematika. Koivula ammetta li ma rahx l-akkużat personalment dak il-jum, u li kien qed jistrieħ fuq dak li qalulu ibnu ta’ ħames snin.
Il-Qorti rrimarkat li ma setgħetx taċċetta xhieda indiretta, b’mod partikolari meta tinvolvi minorenni, u li lanqas ma ġiet prodotta prova diretta, bħal filmati ċari jew rapporti tal-pulizija rilevanti għal dik id-data. Data fejn kienet qed jingħad li l-akkużat kien qed isegwi lill-allegat vittma.
Il-Maġistrat osservat ukoll li l-evidenza ppreżentata kienet nieqsa minn direzzjoni ċara u ma kinitx tissodisfa l-istandard għoli ta’ prova meħtieġ f’kawżi kriminali. Minkejja s-serjetà tal-allegazzjonijiet u s-sensittività tal-kuntest familjari, speċjalment minħabba l-preżenza ta’ minorenni, il-Qorti saħqet li d-drittijiet tal-akkużat ma setgħux jiġu preġudikati.
Għal dawn ir-raġunijiet, u wara li rat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti ddeċidiet li l-akkużi ma ġewx ippruvati u għalhekk sabet lil Alessandro Patane mhux ħati tal-akkużi kollha mressqa kontrih, u lliberatu minn kull ħtija u piena.
//= $special ?>

