Lokali Qorti

Illiberat minn kull ħtija wara allegat inċident fil-parkeġġ tal-Emerġenza ta’ Mater Dei

Raġel ta’ 44 sena mill-Qala ġie illiberat minn kull ħtija u piena wara li l-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace, iddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi miġjuba kontrih lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Jason Joseph Vince Schembri kien mixli b’numru ta’ reati relatati ma’ inċident li allegatament seħħ fit-30 ta’ Marzu 2024 fil-parkeġġ tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei bejn in-12:20pm u s-1pm. Huwa kien akkużat li għajjar, hedded u offenda lil pulizija waqt li dan kien qed jaqdi dmirijietu, li kiser il-bon ordni u l-kwiet pubbliku b’għajjat u storbju, li hedded uffiċjal tas-sigurtà b’oġġett iebes, kif ukoll li naqas milli jobdi ordni tal-Pulizija biex jattendi l-għassa u jipprovdi informazzjoni relatata mal-investigazzjoni.

Skont ix-xhieda, l-inċident beda wara li mutur li kien ipparkjat f’żona riservata għall-ambulanzi ġie kklampjat minn uffiċjal tas-sigurtà. Ġie allegat li Schembri rreaġixxa b’mod aggressiv u li f’ħin minnhom ħareġ mannarett minn basket fuq il-mutur. Pulizija li kien fuq xogħol overtime f’Mater Dei xehed li intervjena biex jikkalma s-sitwazzjoni u neħħa l-oġġett minn idejn l-imputat biex jelimina kull periklu.

Xhieda oħra, inkluż uffiċjali tas-sigurtà u rappreżentanti ta’ kumpaniji involuti fil-ġestjoni tal-parkeġġ, ikkonfermaw li kien hemm argument u li l-pulizija ħadu f’idejhom is-sitwazzjoni. Madankollu, waqt l-analiżi tal-provi, il-Qorti nnutat nuqqasijiet serji fil-mod kif il-każ ġie ppreżentat.

Il-Maġistrat osservat li l-filmat tal-body cam tal-pulizija prinċipali involut fl-inċident ma ġiex ippreżentat quddiem il-Qorti, minkejja li din kienet tkun l-aqwa prova possibbli. Minflok, ġie ppreżentat filmat minn body cam ta’ uffiċjal ieħor. Barra minn hekk, l-oġġett allegatament użat, jiġifieri l-mannarett, qatt ma ġie esebit bħala prova fil-proċeduri.

Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti kkonkludiet li l-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali ma ġiex sodisfatt u li l-akkużi ma ġewx ippruvati. Għaldaqstant, Jason Joseph Vince Schembri ġie ddikjarat mhux ħati tal-akkużi kollha u ġie illiberat minn kull responsabbiltà kriminali.