Lokali Parlament

Ix-xhieda tal-NAO sospiża biex isiru verifiċi dwar xhieda li ngħatat fil-Kumitat tal-Verifika

Ix-xhieda tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar il-każ tal-kuntratt tal-Lukanda Fortina kienet sospiża sakemm isiru l-verifiċi neċessarji mitluba mill-Kumitat tal-Verifika dwar dan l-istess każ u li quddiemu xehdu uffiċjali tal-Awtorità tal-Artijiet.

Il-PAC kien presedut mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw ukoll id-Deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u David Agius. Għall-Gvern ipparteċipaw id-Deputati Laburisti Edward Zammit Lewis, Andy Ellul, Ramona Attard u Rosianne Cutajar.

Il-PAC kompla jiddiskuti r-rapport tal-NAO dwar il-kuntratt tal-Lukanda Fortina u fiha xehdu l-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-uffiċjal mill-istess Uffiċċju Keith Mercieca.

Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li l-PAC u l-Kumitat tal-Verifika huma kumitati differenti iżda kien hemm żvilupp li ma jistax jiġi injorat f’aħħar laqgħa tal-Kumitat ta’ Verifika. Hu qal li ma jafx kemm jista’ jkompli jitkellem mal-NAO fil-PAC qabel isiru verifiċi mill-NAO dwar dak li seħħ nhar it-Tnejn fil-Kumitat ta’ Verifika. Dan il-Kumitat (PAC) ma jistax jieħu deċiżjonijiet u jinjora dak li sar fil-Kumitat ta’ Verifika. Jeħtieġ li l-NAO ikollu żmien jivverifika dak intqal fl-aħħar Kumitat tal-Verifika.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li dawn huma żewġ proċeduri distinti iżda xhieda li tingħata quddiem kumitat ieħor ma tinvalidax rapport li ma jkunx diskuss f’kumitat ieħor. F’dik ix-xhieda kien hemm allegazzjonijiet li r-rapport tal-NAO ma kienx sar b’mod legali.

Darren Carabott qal li l-iskop tal-PAC hu li jinvestiga r-rapporti tal-NAO, sostna li l-PAC huwiex awtorità ġudikanti.

Id-Deputat Laburista Ramona Aattard qalet li t-Tnejn li għadda l-NAO qal li se jitlob spjega lid-ditta involuta minħabba li ma weġbitx xi mistoqsijiet u li kien ixxukkjat li l-Kumitat Tekniku tal-Awtorità tal-Artijiet baqa’ bla tweġibiet għal diversi punti. Hi qalet li dan hu rapport ta’ stima li se jkun skrutinizzat mill-PAC. L-NAO hu komdu li jibqa’ għaddej bix-xhieda tiegħu li jista’ jinfluwenza l-qalba tar-rapport tal-istess NAO?, staqsiet Ramona Attard.

Darren Carabott staqsa lill-NAO jekk fid-dawl tal-aħħar żviluppi tal-Kumitat ta’ Verifika fid-dawl ta’ dak li qal il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Artijiet Robert Vella, iħossux li jkun aħjar li x-xhieda tkompli wara li jsiru dawn il-verifiċi.

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara qal li dan hu punt validu u anki huma baqgħu xxukkjati b’dak li semgħu nhar it-Tnejn fil-Kumitat tal-Verfika. Hu qal li l-NAO hu Uffiċċju żgħir mingħajr riżorsi interni li jrid bilfors imur hemm barra għal esperti biex jagħmel ir-rapporti. L-Awditur Ġenerali qal li kien ixxukkjat għax ma jistax jaċċetta li xi ħadd imqabbad mill-NAO ma jagħtix informazzjoni li jkun mitlub. L-NAO se jiltaqa’ ma’ dawn l-esperti għaliex m’hemmx kundizzjonijiet dwar ix-xhieda.

L-Awditur Ġenerali kompla li l-NAO qiegħed għas-servizz tal-PAC u jekk il-PAC iħoss li x-xhieda għandha titwaqqaf għal ġimgħatejn, jiddeċiedi kif jixtieq; anki jekk hu jaqbel li x-xhieda għandha tkompli.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott sostna li dik ix-xhieda saret f’kumitat differenti iżda jekk il-PAC se jwaqqaf ix-xhieda għalissa, id-dubju fuq il-kredibbiltà se jkun fuq l-NAO. Hu esprima diżappunt li kien hemm Awtorità li pprovat titfa’ dubju fuq l-NAO. Għalhekk għandu jkun l-NAO li jiddeċiedi jekk ix-xhieda tkomplix.

Id-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini staqsa jekk hemmx xi raġunijiet li jistgħu jiddubitaw l-istimi li għamel l-NAO. L-istimi tal-Awtorità tal-Artijiet qed jitfgħu dubju fuq ir-rapport tal-NAO?

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara qal li nhar it-Tnejn fil-Kumitat tal-Verifiċi tqajmu dubji li għall-NAO kienu xokkanti u żied li hu kien se jixhed il-verità dwar l-istimi. Hemm sitwazzjonijiet li għall-NAO mhumiex aċċettabbli partikolarment dwar informazzjoni li ngħatat mill-kuntratturi mqabbda mill-NAO.

Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis sostna li l-istimi huma element ewlieni f’dan il-każ u sostna li jekk kien hemm informazzjoni mitluba li ma ngħatax, allura sar ħażin. Hu appella biex l-NAO jingħata ħin biex ikun f’pożizzjoni li jagħti l-pożizzjoni tiegħu.

L-Awditur Ġenerali qal li l-NAO se jerġa’ jmur quddiem il-PAC malajr kemm jista’ jkun u sostna li jkun aħjar li x-xhieda tieqaf sakemm isiru dawn il-verifiċi mitluba mill-Kumitat tal-Verifika.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius ippropona li l-Kumitat ta’ Verifika għandu jikkomunika mal-PAC meta jitlestew il-verifiċi.

Għalhekk il-PAC aġġorna għal wara s-16 ta’ Frar 2026.