Lokali Temp

Jeħtieġ insostnu l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda wara li sofrew il-konsegwenzi tal-maltemp tal-aħħar jiem – PN

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-bdiewa, mar-raħħala u mas-sajjieda Maltin u Għawdxin wara li l-maltemp qawwi li esperjenza pajjiżna fl-aħħar ġranet ħalla effetti negattivi kbar fuqhom.

Dan qalu x-Shadow Minister Toni Bezzina fi stqarrija maħruġa llum.

Mijiet ta’ bdiewa, raħħala u sajjieda sofrew ħsarat kbar fir-raba, telf ta’ prodotti u danni kbar fl-istrutturi u l-inġenji tagħhom. Dan ifisser eluf ta’ ewro fi spejjeż għal industrija li diġà kienet qed tbati biex tlaħħaq mal-ispejjeż dejjem jogħlew tal-materja prima, il-ġwież u dak kollu meħtieġ.

IL-PN jappella wkoll biex fl-istess ħin ninvestu f’infrastruttura ġdida, bħal breakwaters, biex f’każ ta’ maltempati bħal dawn, pajjiżna joffri s-sigurtà neċessarja għall-opri tal-baħar tas-sajjieda tagħna.

Jeħtieġ issa li l-Gvern u l-awtoritajiet kollha kompetenti jallokaw l-fondi kollha meħtieġa biex il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda jkunu megħjuna jirkupraw u jerġgħu lura fuq saqajhom. Dawn il-ġranet ta’ maltemp reġgħu għal darba oħra kixfu d-dipendenza kronika ta’ pajjiżna fuq l-ikel importat minn barra u allura l-ħtieġa li nsostnu lil dawn is-setturi biex bħala pajjiż inkunu self-sustainable fil-produzzjoni tal-ikel.

Ikun għaldaqstant mistħoqq li l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda tagħna jkunu megħjuna biex jirkupraw u jerġgħu jkomplu jmantnu l-Gżejjer Maltin.