Meta indirizza l-Kungress tal-GWU, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li fl-aħħar 83 sena minn mindu bdiet, il-General Workers Union rat bidliet kbar – kemm dawk politiċi kif ukoll dawk soċjali. U fl-istess waqt, il-ħaddiema wkoll raw tibdiliet kbar fil-kundizzjonijiet tal-postijiet tax-xogħol.

Alex Perici Calascione qal li f’dan il-mument importanti fil-mixja ta’ pajjiżna rridu fost l-oħrajn nħarsu fuq kollox il-ġid komuni fl-isfond ta’ nfieq pubbliku responsabbli, li mmexxu ‘l quddiem ħidma pubblika li b’kontabbiltà u trasparenza, tassigura kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd u li nassiguraw pajjiż li joffri opportunitajiet ta’ kwalità liż-żgħażagħ biex ilaħħqu mal-ispiża fl-ewwel propjetà tagħhom.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li din il-union qablet fuq diversi proposti li ressaq il-PN fosthom li l-COLA ma tkunx intaxxata kif ukoll fuq miżuri b’rabta mal-work-life balance.
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja qal li dan huwa l-mument kollettiv ta’ kulħadd u fejn qed niċċelebraw il-vuċi ta’ eluf fuq il-postijiet tax-xogħol.

Huwa qal li l-ħidma tal-GWU waslet għal żieda f’diversi leaves speċjali – fosthom il-miscarriage leave kif ukoll żidiet fil-paga minima.
Intant, huwa saħaq li l-GWU se tkompli taħdem għal kundizzjonijiet aħjar fil-post tax-xogħol u se tkompli tkun il-vuċi għal dawk li m’għandhomx.
//= $special ?>

