Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ għomor il-ħabs għal erba’ rġiel fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ għomor il-ħabs fil-konfront ta’ Adrian Agius u Robert Agius, magħrufa bħala “Ta’ Maksar” kif ukoll għal Jamie Vella u George Degiorgio, wara li ċaħdet l-appelli kollha mressqa minnhom kontra l-verdett tal-ġurija u s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Doreen Clark u Josette Demicoli sostniet li ma kien hemm ebda raġuni biex tinterferixxi mad-diskrezzjoni eżerċitata mill-Ewwel Qorti fil-kundanna, peress li l-piena ta’ għomor il-ħabs kienet taqa’ pjenament fil-parametri stabbiliti mil-liġi u kienet proporzjonata mal-gravità estrema tar-reati.

Il-Qorti fakkret li, skont il-prinċipji ġurisprudenzjali stabbiliti, qorti ta’ appell għandha tidħol biss jekk il-piena tkun manifestament eċċessiva jew illegali, ħaġa li ma seħħitx f’dan il-każ. Dwar George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, il-Qorti nnotat li hu nstab ħati ta’ omiċidju volontarju tal-Avukat Carmel Chircop, kif ukoll ta’ pussess ta’ arma tan-nar waqt il-kommissjoni tar-reat u pussess u ġarr ta’ arma mingħajr liċenzja.

Il-verdett tal-ġurija, mogħti b’seba’ voti favur u tnejn kontra, kien meqjus bħala verdett b’saħħtu. Il-Qorti ċaħdet l-argument li n-nuqqas ta’ unanimita’ kellu jwassal awtomatikament għal piena inqas minn għomor il-ħabs, u fakkret li l-liġi tipprevedi l-għomor bħala l-piena obbligatorja għall-omiċidju volontarju, b’diskrezzjoni limitata ħafna biex tinżel minnha.

Il-Qorti enfasizzat li l-qtil ta’ Carmel Chircop kien wieħed premeditat u brutali, u li l-provi wrew li Degiorgio ma wera ebda rimors għall-azzjonijiet tiegħu. Ġie wkoll meqjus il-fatt li Degiorgio nstab reċidiv skont il-Kodiċi Kriminali, fatt li żied il-piż fuq il-valutazzjoni tal-piena.

Fir-rigward ta’ Adrian u Robert Agius, magħrufa bħala Ta’ Maksar, u Jamie Vella, il-Qorti qieset li r-rwol tagħhom fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia kien wieħed ċentrali u essenzjali fit-twettiq ta’ delitt li ħasad lill-pajjiż kollu u kellu riperkussjonijiet serji fuq livell nazzjonali u internazzjonali.

Il-Qorti qalet li dan kien omiċidju ppjanat bir-reqqa, imwettaq b’kiesaħ u biered, u li kien jattakka direttament il-libertà tal-espressjoni u r-rwol tal-ġurnaliżmu f’soċjetà demokratika. L-argumenti tad-difiża, fosthom dawk li l-voti tal-ġurija ma kinux unanimu jew li l-piena kienet eċċessiva meta mqabbla ma’ każijiet oħra, ġew kollha miċħuda.

Il-Qorti qalet li kull każ irid jiġi ġġudikat fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu, u li l-paragun ma’ sentenzi oħra ma setax inaqqas il-gravità unika u eċċezzjonali ta’ dawn id-delitti. Il-Qorti rreferiet ukoll għal ġurisprudenza preċedenti li tistabbilixxi li, iktar ma l-verdett tal-ġurija jkun qawwi u qrib l-unanimità, inqas hemm lok biex il-Qorti titbiegħed mill-piena ta’ għomor il-ħabs prevista mil-liġi.

F’dan il-każ, anke vot ta’ seba’ favur u tnejn kontra kien meqjus biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-piena massima. Fl-aħħar nett, il-Qorti sostniet li s-soċjetà għandha tiġi mħarsa minn aġir vjolenti ta’ din ix-xorta u li l-piena imposta tirrifletti mhux biss il-ħtija tal-akkużati, iżda wkoll il-bżonn li jsir ġustizzja mal-vittmi, mal-familjari tagħhom u mas-soċjetà Maltija kollha.

Ġuri kien sar bejn April u Ġunju tas-sena l-oħra

Għal dawn ir-raġunijiet, l-appelli kollha tressqa minn Adrian Agius, Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio ġew miċħuda u s-sentenzi ta’ għomor il-ħabs ġew ikkonfermati b’mod sħiħ. Il-ġuri kien sar bejn l-24 ta’ April u ntemm fil-5 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra.

L-Avukat Chircop inqatel fit-8 t’Ottubru tal-2015 b’tiri ta’ arma tan-nar quddiem il-garaxx tiegħu f’Birkirkara waqt li Caruana Galizia nqatlet b’bomba f’karozza fis-16 t’Ottubru tal-2017. Il-ġurati sabu lil Vella u lil Degiorgio ħatja tal-qtil tal-Avukat Chircop, Adrian Agius instab ħati b’kompliċità f’dan l-omiċidju waqt li Robert Agius inħeles mill-akkuża.

Robert Agius u Vella nstabu ħatja b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia fl-2017 billi pprovdew il-bomba li qatlitha kif ukoll li nstabilhom materjal splussiv. Il-prosekuzzjoni f’dan il-ġuri tmexxiet mill-Avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għal Adrian Agius deher l-Avukat Nicholas Mifsud, għal Robert Agius l-Avukati Alfred Abela u René Darmanin, għal Vella l-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia u għal Degiorgio l-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia rrappreżentaw lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia waqt li l-Avukat Vince Galea rrappreżenta lill-familja tal-Avukat Chircop.