L-istqarrijiet li saru dan l-aħħar u li jattakkaw is-sovranità ta’ Greenland, territorju tad-Danimarka, jqiegħdu f’dubju prinċipju bażiku u importanti ħafna tad-dritt internazzjonali – dak tas-sovranità u l-integrità territorjali ta’ pajjiż, li f’dan il-każ ukoll huwa wkoll membru bħalna tal-Unjoni Ewropea.
Diskors bħal dan huwa għalhekk kompletament inaċċettabbli u jikser il-prinċipji fundamentali tar-relazzjonijiet internazzjonali.
Hekk sostna f’messaġġ li ttella’ fuq il-media soċjali l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ftit sigħat biss qabel ma l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament jiltaqa’ llum waranofsinhar biex jiddiskuti diversi kwistjonijiet internazzjonali.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-PN ta struzzjonijiet lill-membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Kumitat biex ipoġġu dan is-suġġett fuq l-aġenda tal-lum tal-laqgħa ta’ dan il-Kumitat. Talab ukoll lill-Gvern biex jappoġġja lill-Oppożizzjoni u jwassal messaġġ favur is-sovranità u r-rispett lejn il-liġijiet internazzjonali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, fil-messaġġ tiegħu, kompla jgħid li l-futur ta’ Greenland għandu jiġi deċiż biss u esklużivament mill-poplu tiegħu stess, f’konformità sħiħa mal-qafas kostituzzjonali u legali li jirregola r-relazzjoni tiegħu mad-Danimarka. U dan irid isir b’mod paċifiku u demokratiku fl-ambitu tas-saltna tad-dritt u tal-awto determinazzjoni tal-popli. Kull pressjoni, theddid jew indħil minn kwalunkwe pajjiż ieħor hija abbuż inaċċettabbli.
Il-Kap tal-PN ikompli li l-Ewropa u l-komunità internazzjonali f’dan il-mument determinati daqskemm huwa delikat, iridu jkunu sodi u jibqgħu jiddefendu l-prinċipji stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti lejn ir-rispett assolut għas-sovranità tal-Istati u l-integrità territorjali.
Dan jgħodd b’mod partikolari fir-relazzjoni transatlantika. Theddid, pressjoni jew tentattivi ta’ intimidazzjoni – kemm fuq kwistjonijiet kummerċjali kif ukoll fuq suġġetti ta’ sovranità – ċertament ma jagħmlux ġid għall-koperazzjoni bejn il-ġnus u għalhekk ma jistgħux jiġu tollerati.
Relazzjonijiet b’saħħithom iridu jkunu mibnija fuq rispett reċiproku, diplomazija responsabbli u ħarsien lejn id-dritt internazzjonali. Dan kien minn dejjem il-każ bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika, partikolarment minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-koperazzjoni transatlantika bbażata fuq dawn il-prinċipji swiet tassew ta’ ġid komuni u ta’ stabbiltà mhux biss reġjonali imma anke dinjija għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Hija din it-tip ta’ koperazzjoni li, f’dinja aktar globalizzata fejn dejjem jinqalgħu sfidi ġodda, jinħtieġ li tiġi msaħħa u mhux imdgħajfa f’dan il-mument.
Wieħed għalhekk jitlob u jistenna li b’mod ċar u deċiżiv il-partijiet kollha jaġixxu b’raġuni, jirrispettaw il-qafas legali stabbilit u jaħdmu lejn ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. Id-djalogu miftuħ, sinċier u ta’ rispett f’dan il-mument huwa xejn inqas minn neċessità assoluta daqskemm hi urġenti.
//= $special ?>

