Lokali

L-effetti taċ-Ċiklun Harry: Ħsarat kbar f’Wied il-Għajn

Il-pajjiż sebaħ għal xeni mhux tas-soltu – bajjiet imkissra, debris u kull forma ta’ skart li tkaxkar bir-riħ qawwi, tkissir tul il-kosta, ħwienet u residenzi li ġarrbu ħsarat. Sa anke baga spiċċat ittellgħet l-art bis-saħħa tal-mewġ qawwi li ġew ikkaġunati miċ-ċiklun Harry.

F’Wied il-Għajn b’mod partikolari għadhom evidenti l-ħsarat enormi li ħalliet din il-maltempata.

Net News tkellem ma’ ħaddiem f’ġelaterija li tul il-jum tat-Tlieta niżel il-ħanut hekk kif qalulu li kien qed jinħakem mill-ilma baħar.

Tkellimna ma’ sid ta’ stabbiliment, illi sostna li l-mewġ kien qawwi wisq – tant li sfortunatament ħadd ma seta’ jlaħħaq mal-qilla tiegħu.

Dan filwaqt li raġel ieħor insista ma’ Net News li l-Erbgħa filgħodu sab ħerba sħiħa fl-istabbiliment tiegħu.

Il-ħsarat, id-dubji u l-isfidi li jinsabu ma’ wiċċ dawn is-sidien huwa dak li issa qed jaffaċċjaw bil-għan li jkunu jistgħu jerġgħu jibdew mill-bidu.

Intant diversi persuni stqarrew li kawża tal-fatt li preżentament kien għaddej proġett max-xatt, spiċċaw għal kollox mingħajr ilqugħ ta’ xejn, bil-ħadid ta’ protezzjoni allegatament jispiċċa jagħmel aktar ħsara milli ġid – u bil-mewġ iħabbat litteralment ma’ biebhom.

Il-Kap tal-PN Alex Borg, fil-Parlament, diġa’ appella b’mod ċar ħafna biex il-Gvern jieħu azzjoni u jingħata kumpens xieraq lil dawk affetwati – mhux biss negozji, iżda anke bdiewa u raħħala.

Tul il-jum, sar magħruf li is-servizz tal-Gozo Channel spiċċa reġa’ ġie sospiż kmieni filgħodu minkejja li f’xi ħin kienu bdew il-vjaġġi lejn iċ-Ċirkewwa. Iżda r-riħ qawwi li baqa’ jippersisti ma ppermettiex li l-vapur jidħol mal-moll.

Anke s-servizz tal-Fast Ferry kellu jitwaqqaf minħabba l-ħsarat kbar fuq il-faċilitajiet fejn jitniżżlu l-passiġġieri fil-Belt Valletta.

Intant f’Wied il-Għajn tkellimna ma’ aktar sidien tal-ħwienet affetwati, bil-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala John Baptist Camilleri jisħaq li issa l-ħidma trid tkun waħda kollettiva.