Lokali

“L-għajta tal-poplu qed tokrob għal soluzzjonijiet ċari” – Alex Borg

L-ebda Gvern ma jagħmel kollox ħażin jew kollox tajjeb, madanakollu l-aħħar budget kien wieħed li nesa l-għajta tan-nies; budget li sfortunatament ma semax il-karba tal-poplu fuq it-traffiku, l-affordabiltà tal-proprjetà, l-infrastruttura, l-ambjent u ż-żieda fil-popolazzjoni.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta kien qed jiġi intervistat fuq ix-Xandir Nazzjonali fil-programm Realtà hekk kif insista li filwaqt li l-aħħar budget kellu t-tajjeb tiegħu, kien hemm ukoll punti maġġuri li ntesew. U għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista ma setgħax jaqbel totalment miegħu.

Dwar l-enerġija Alex Borg tkellem dwar il-fatt li hemm diversi familji li kellhom l-eko-riduzzjoni nieqsa mill-kont tad-dawl. U insista kif il-Gvern żamm mistur dan is-serq mill-kontijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

Mistoqsi dwar iż-żieda fil-popolazzjoni u l-ħaddiema barranin, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista dwar il-bżonn ta’ Labour Market Study sabiex jiġu identifikati setturi li għandhom bżonn barranin jew le.

Huwa sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jaċċerta li jiġu megħjuna l-industriji permezz ta’ Bord li jħaffef il-proċess għall-ħaddiema; madanakollu l-għan aħħari jibqa’ li jiġu inċentivati l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Alex Borg fakkar li preżentament kulħadd qiegħed iħoss l-effett tan-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul ta’ Gvern Laburista b’mudell ekonomiku imbuttat minn Clyde Caruana.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li fost l-isfidi li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħhom hemm il-fatt li numru ta’ koppji żgħażagħ u mhux biss qed isofru l-pressjoni ta’ nuqqas ta’ housing affordabbli u saħaq li l-Gvern għandu jgħin aktar f’dan il-qasam.

Dwar it-traffiku, Alex Borg sostna li l-Gvern għadu sa issa ma għamel assulutament xejn. Meta hemm diversi aspetti li jistgħu jiġu kunsidrati.

Mistoqsi dwar id-diskussjoni tal-4 day week, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li fejn hemm lok ta’ titjib għal ħaddiema, bħalma wkoll huwa propost mill-General Workers Union fost oħrajn, huwa importanti li ma nibżgħux mid-diskussjoni.

B’rabta mal-mediċini ġeneriċi, Alex Borg ippreċiża jgħid li huwa minnu li hawn persuni li sfortunatament dawn ma jaqblux magħhom b’mod partikolari f’dak li għandhom x’jaqsmu kundizzjonijiet newroloġiċi.

U insista li jekk hemm imqarr persuna li mhux jaqblu magħha l-mediċini u teħtieġ oħrajn… dawn għandhom jiġu megħjuna.

Mistoqsi dwar Franco Debono, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li fil-preżent diġà qiegħed jikkontribwixxi fil-Partit u spjega li kull min irid ikun parteċipi fil-Partit il-bieb jinsab miftuħ għaliex hu jħares lejn il-kwalitajiet tal-bniedem mingħajr ma jiġġudika.

Finalment, Alex Borg spjega li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, wara proċess intern, se tibda l-ħidma sabiex il-Partit Nazzjonalista jkollu Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament kif wiegħed fix-xhur tas-sajf.