Turiżmu Unjoni Ewropea

ll-Parlament Ewropew jappoġġja d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu (632 vot favur, 15-il vot kontra u disa’ astensjonijiet) dwar reviżjoni tal-bidliet fir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru ssuġġeriti mill-istati membri tal-UE f’Ġunju 2025.

Il-MPE vvutaw kontra l-azzjoni mill-ministri tal-UE biex idgħajfu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, li ilhom fis-seħħ mill-2004 u li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw li l-passiġġieri jkunu protetti biżżejjed kontra l-interruzzjoni tal-ivvjaġġar.

Il-Membri tal-PE jridu jżommu d-dritt li l-vjaġġaturi bl-ajru jiġu rimborżati jew jingħataw rotta ġdida u li jitolbu kumpens jekk titjira tittardja b’aktar minn tliet sigħat, jekk tiġi kkanċellata, jew jekk ma jitħallewx jitilgħu. Il-Kunsill qed jinsisti biex il-kumpens japplika biss wara dewmien ta’ bejn erba’ u sitt sigħat, skont id-distanza tat-titjira.
Il-Parlament huwa wkoll kontra t-tnaqqis tal-ammonti ta’ kumpens attwali għal interruzzjonijiet fit-titjiriet u jissuġġerixxi li dawn għandhom jiġu stabbiliti għal bejn €300 u €600 skont id-distanza tat-titjira. Il-gvernijiet tal-Istati Membri jridu jistabbilixxu kumpens ta’ bejn €300 u €500.
Bir-responsabbiltà tal-linji tal-ajru limitata għal sitwazzjonijiet fil-kontroll tagħhom, il-Parlament irid iġedded il-lista taċ-ċirkostanzi straordinarji li jippermettulhom jirrinunzjaw għar-responsabbiltà tagħhom li jħallsu kumpens, ċirkostanzi li bħalissa jinkludu diżastri naturali, gwerrer, kundizzjonijiet tat-temp jew tilwim industrijali mhux previst li jaffettwa lill-operatur tal-ajru, lill-ajruport jew lill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Il-Membri tal-PE jridu li din il-lista tkun eżawrjenti u li l-Kummissjoni taġġornaha regolarment.
Il-Membri tal-PE qed jaqblu mal-Kunsill li d-dmir li l-passiġġieri li jitħallew l-art jingħataw xorb kull sagħtejn wara l-ħin tat-tluq inizjali, ikla wara tliet sigħat, u waqfa ta’ mhux aktar minn tliet iljieli għal dewmien twil, għandu jinżamm fiċ-ċirkostanzi kollha.

Għall-MPE, il-limitu ta’ tliet iljieli joffri lil-linji tal-ajru prevedibbiltà akbar u jiffrankalhom spejjeż finanzjarji mhux dovuti.

Il-MPE jridu l-introduzzjoni ta’ formoli mimlija minn qabel għal talbiet għal kumpens u rimborż, biex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar tat-talbiet u biex il-passiġġieri u l-linji tal-ajru jiġu megħjuna jevitaw l-użu ta’ aġenziji tat-talbiet.

Skont l-abbozz tar-regoli, it-trasportaturi tal-ajru jkollhom jibagħtu lill-passiġġieri li jesperjenzaw interruzzjonijiet fl-ivvjaġġar (kanċellazzjoni jew dewmien) formola mimlija minn qabel fi żmien biss 48 siegħa mill-inċident (il-pożizzjoni tal-Kunsill teħtieġ formola mimlija minn qabel biss wara l-kanċellazzjoni, mhux wara dewmien twil). Il-vjaġġaturi mbagħad ikollhom sena biex jippreżentaw talba.

Il-Parlament irid li l-passiġġieri jkollhom id-dritt li jġorru magħhom fuq l-ajruplan, mingħajr ebda spiża addizzjonali, oġġett personali wieħed (bħal handbag, backpack jew laptop) u bagalja żgħira waħda b’dimensjonijiet massimi ta’ 100 cm (tul, wisa’ u għoli kkombinati) u toqol sa seba’ kilogrammi.

Il-Membri tal-PE jridu wkoll ineħħu t-tariffi addizzjonali li l-vjaġġaturi xi drabi jiġu mġiegħla jħallsu biex jikkoreġu l-iżbalji fl-isem tal-passiġġieri jew biex jagħmlu ċ-check in għat-titjira tagħhom. Il-passiġġieri għandhom iżommu d-dritt li jagħżlu bejn il-karti tal-imbarkazzjoni diġitali u dawk stampati.

Passiġġieri vulnerabbli jew b’mobbiltà mnaqqsa għandu jkollhom id-dritt għal kumpens, riprogrammar tar-rotta u assistenza mil-linji tal-ajru jekk jitilfu titjira minħabba n-nuqqas tal-ajruport li jgħinhom jilħqu l-bieb tal-imbarkazzjoni fil-ħin, jgħid it-test.

Il-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa, in-nisa tqal, it-trabi, u t-tfal fi pramm b’persuna li takkumpanjahom jenħtieġ li jingħataw prijorità meta jitilgħu abbord, filwaqt li l-persuni li jakkumpanjawhom jeħtieġ li jkunu bilqiegħda f’sit maġenbhom mingħajr spejjez żejda.