Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, laqgħet appell imressaq minn Raimonda Micallef kontra d-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, u ordnat li l-każ jintbagħat lura quddiem l-Arbitru sabiex jinstemgħu provi speċifiċi dwar il-vulnerabbiltà tagħha u jekk tikkwalifikax għall-għajnuna soċjali mitluba.
Il-każ jirrigwarda d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali li biha l-appellanta ġiet infurmata li ma kinitx intitolata għall-pensjoni tal-età, peress li l-valur kapitali tal-proprjetajiet li kienet wirtet mingħand żewġha kien jeċċedi l-limitu ta’ €14,000 stabbilit mil-liġi. Id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li l-appellanta kienet werrieta ta’ nofs indiviż ta’ diversi proprjetajiet f’Tal-Pietà u r-Rabat, minkejja li dawn kienu amministrati minn binha, li kien qed jipperċepixxi l-kirjiet tagħhom.
Quddiem l-Arbitru, Raimonda Micallef kienet sostniet li hija m’għandha l-ebda dħul minn impjieg, kirjiet jew sorsi oħra, u li l-proprjetajiet inkwistjoni kienu tqiegħdu taħt l-amministrazzjoni ta’ binha wara ftehim li hija qalet li ġiet sfurzata tagħmel waqt iż-żwieġ tagħha.
Minkejja dan, l-Arbitru kien ikkonkluda li Micallef kienet essenzjalment ċaħdet lilha nnifisha minn introjtu u għaldaqstant ma setgħetx titlob benefiċċji mill-Istat, u kkonferma d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali.
Fl-appell quddiem il-Qorti, l-appellanta permezz tal-Avukat tagħha David Gatt argumentat li l-Arbitru naqas milli japprezza sew il-provi, b’mod partikolari l-kuntest ta’ relazzjoni miżżewġa turbulenti u abbużiva li fiha sabet ruħha. Il-Qorti qieset li, minkejja x-xhieda dettaljata li ngħatat dwar il-vjolenza domestika u l-vulnerabbiltà tagħha, l-Arbitru ma ta ebda piż lil dawn il-fatturi fid-deċiżjoni tiegħu.
Il-Qorti enfasizzat li f’każijiet bħal dawn ma jistax jiġi applikat b’mod awtomatiku l-prinċipju li min iċaħħad lilu nnifsu minn ġidu ma għandux jiġi mgħejjun mill-Istat, mingħajr ma jiġi eżaminat jekk il-persuna kinitx f’pożizzjoni reali li “tgħin lilha nnifisha”. Il-Qorti rreferiet għal ġurisprudenza riċenti li tagħraf li persuni vulnerabbli, b’mod partikolari dawk li jkunu vittmi ta’ relazzjonijiet abbużivi, jistgħu ma jkunux ħadu deċiżjonijiet b’rieda libera u infurmata.
Filwaqt li rrifjutat tidħol f’allegazzjonijiet oħra mqajma minn Raimonda Micallef dwar dħul possibbli minn kumpanniji li kienet direttur tagħhom, il-Qorti nnotat li dawn il-punti ma kinux parti mid-deċiżjoni tal-Arbitru u lanqas tal-evalwazzjoni oriġinali tad-Direttur Ġenerali.
Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet l-appell, ħassret u rrevokat id-deċiżjoni tal-Arbitru, u ordnat li l-atti jintbagħtu lura quddiemu sabiex jinstemgħu provi limitati dwar jekk l-appellanta kinitx persuna vulnerabbli minħabba relazzjoni miżżewġa abbużiva.
Il-Qorti rrakkomandat ukoll li jsir assessment psikoloġiku professjonali sabiex jiġi stabbilit jekk din il-vulnerabbiltà teżistix u jekk, konsegwentement, l-appellanta tikkwalifikax għall-għajnuna soċjali mitluba. Għal armla deher l-avukat David Gatt.
//= $special ?>

