Żagħżugħ Taljan ta’ 25 sena, ġie kkundannat multa ta’ €500 wara li ammetta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li kien fil-pussess ta’ diversi drogi pprojbiti waqt li kien fi stabbiliment f’Paceville. Is-sentenza ngħatat ,mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li kienet qed tippresjedi l-kawża bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali.
L-akkużat, Emanuele Pio Lofaro, imwieled Paternò, u residenti l-Imsida, kien mixli li fil-lejl tal-15 ta’ Settembru 2025, għall-ħabta ta’ bejn l-4.00 u l-4.30 ta’ filgħodu, ġewwa l-istabbiliment Clique fi Triq San Ġorġ, Paceville, kien fil-pussess ta’ kokaina kif ukoll ta’ mediċini psikotropiċi u ristretti, jiġifieri 3, 4-MDMA u ketamina, mingħajr ebda awtorizzazzjoni legali.
Il-Qorti rat li l-akkużat ma kellux liċenzja jew permess skont l-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi, Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta, u lanqas awtorizzazzjoni speċjali bil-miktub mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika skont il-liġi li tirregola l-professjoni medika u l-mediċini ristretti, Kapitolu 31. Intqal ukoll li Lofaro naqas milli juri li d-droga kienet ġiet provduta lilu għal użu mediku skont riċetta valida.
Fis-seduta tal-lum, l-imputazzjonijiet inqraw formalment u ġew konfermati n-noti tal-Avukat Ġenerali li permezz tagħhom il-każ tressaq quddiem il-Qorti bħala waħda kriminali. Lofaro ammetta l-akkużi kollha kontra tiegħu fl-ewwel opportunità li ngħatatlu. Il-Qorti wissietu dwar il-konsegwenzi legali ta’ tali ammissjoni u tatu ċans jerġa’ jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu u jikkonsulta mal-avukat tiegħu, iżda l-imputat reġa’ kkonferma l-ammissjoni tiegħu b’mod ċar u inekwivoku.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti osservat li, minħabba l-ammissjoni, ma kienx hemm il-ħtieġa li jinġabru aktar provi. Meta ġiet biex tiddetermina l-piena, il-Maġistrat Farrugia Frendo qieset bħala fatturi mitiganti l-fedina penali netta tal-imputat kif ukoll l-ammissjoni bikrija ħafna li saret fl-ewwel seduta, li biha ġie ffrankat il-ħin tal-Qorti u l-proċess tal-provi.
Għaldaqstant, wara li rat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitoli 101 u 31 tal-Liġijiet ta’ Malta u r-regolamenti applikabbli, il-Qorti sabet lil Emanuele Pio Lofaro ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu multa ta’ ħames mitt ewro, li ordnat li titħallas immedjatament.
//= $special ?>

