Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Matul dan l-artiklu se nkun qed nagħti ħarsa oġġettiva lejn ir-rapport ippubblikat mill-Ombudsman dwar il-kwistjoni tas-Seniority tal-LSEs – kwistjoni li issa ilha għaddejja snin u baqgħet qatt ma kienet indirizzata fit-totalità tagħha. Dan ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minnu, jagħtuna stampa aktarx ċara tas-sitwazzjoni attwali li għandha tkun indirizzata sabiex tkun ġusta ma’ LSEs li ilhom fis-servizz imma fl-istess waqt tinkoraġġixxi l-professional development u career progression tal-professjoni. Irrid ngħid, li din mhux se tkun l-ewwel darba li ddiskutejt din il-kwistjoni, flimkien mal-kwistjoni daqstant importanti relatata mal-warrants lil-LSEs li l-Gvern qiegħed jibqa’ jinjoraha u jwarrabha fil-ġenb.
Jekk nagħti ftit rendikont tar-Rapport finali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari, naraw li qiegħed jikkonkluda li s-sistema użata fl-iskejjel statali biex tiġi stabbilita s-seniority tal-LSEs hija diskriminatorja u illegali. Fil-fatt, dan huwa l-verdett li jixref minn dan ir-rapport. L-Ombudsman għalhekk, jirrakkomanda li l-prattika marbuta mal-mod kif taħdem is-seniority f’dan il-grad għandha tieqaf immedjatament u tkun stabbilita skont ir-regoli applikabbli fis-servizz pubbliku bla ebda eċċezzjoni jew alternanza. Se mmur pass lura, u nispjega ftit minn fejn qiegħed jitlaq dan il-każ sabiex il-qarrejja jifhmu aħjar dak li qiegħed ikun konkluż mir-rapport u effettivament rakkomandat.
L-ewwel nett, il-każ oriġina minn ilment kollettiv imressaq f’Settembru tal-2025 minn 329 LSE lkoll impjegati fis-servizz pubbliku, li ressqu t-tħassib tagħhom dwar kif kienet qed tinħadem is-seniority tagħhom fl-iskejjel. L-LSEsfissru li l-ilment tagħhom ma kienx relatat mal-pagi jew mal-progressjoni fis-salarju (għaliex dik hija xi ħaġa totalment differenti: il-pagi tal-edukaturi timxi paripassu mal-iskala u allura mal-ammont ta’ snin impjegati), iżda esklussivament mal-mod kif kienu qed jiġu rrenkjati f’termini ta’ seniority: jiġifieri minn jiġi qabel min f’każ ta’ transfer jew redundancy. Skont il-prattika fis-seħħ bħalissa, LSEs li jiksbu kwalifiki akkademiċi addizzjonali wara li jkunu ġew aċċettati fl-impjieg (u allura jkunu l-ewwel kisbu r-rekwiżiti mitluba mill-Ministeru) jieħdu vantaġġ fis-seniority, anke jekk ikollhom anqas snin ta’ servizz minn kollegi oħra li effettivament għandhom kwalifiki anqas. Skont l-LSEs li ressqu l-ilment, dan qiegħed ikollu implikazzjonijiet li jaffettwaw direttament l-istabbilità tagħhom fl-iskejjel fejn iservu u meta japplikaw għal transfer. Huma sostnew ukoll li din is-sistematapplika biss għal-LSEs u mhux għal gradi edukattivi oħra, bħall-għalliema jew l-edukaturi tal-kindergarten, fejn is-seniority tibqa’ dejjem ibbażata fuq id-data tal-ingaġġ. Mela, fi kliem sempliċi, is-seniority tal-LSEs mhix abbażi tad-data tal-ingaġġ imma abbażi tal-kwalifika.
L-investigazzjoni tmexxiet mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman u matul il-proċess intalbet ukoll il-pożizzjoni tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru responsabbli mill-Edukazzjoni. Tajjeb li ngħid li l-Ministeru indika li kienu għaddejjin diskussjonijiet mal-Malta Union of Teachers u ma ta l-ebda pożizzjoni sostantiva dwar il-kwistjoni f’dak l-istadju. Mir-rapport joħroġ li din il-prattika qiegħda tkun applikata b’mod totali fl-iskejjel statali (u ilha għal diversi snin) u joħroġ ukoll li din ma għandha ebda bażi legali li tawtorizzaha. L-Ombudsman analizza r-regoli rilevanti tas-servizz pubbliku, inkluż il-Manual on Resourcing, Policies and Procedures, li jistipula li s-seniority għandha tiġi determinata primarjament mid-data tal-ingaġġ fil-grad. Jenfasizza wkoll li l-Ftehim Settorjali jirrikonoxxi lil-LSEs bħala grad wieħed, minkejja li jeżistu skali ta’ pagi differenti marbuta mal-kwalifiki miksuba – ġustament. Ir-rapport jinnota li, minkejja dawn id-differenzi fil-paga, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-LSEs jibqgħu l-istess. Madankollu – u din hija kif inqisha jien – għandhom dejjem ikunu rikonoxxuti u kkunsidrati f’inkwantu ta’ inċentivi addizzjonali fil-paga abbażi tal-kwalifiki addizzjonali. Mir-rapport, joħroġ li l-użu tal-kwalifiki bħala kriterju għas-seniority ma għandux bażi legali jew ġustifikazzjoni oġġettiva, speċjalment peress li ma japplikax għal gradi oħra.
L-Ombudsman għalhekk jikkonkluda li t-tħaddim tas-seniority għal-LSEs ma timxix mar-regoli tas-servizz pubbliku u fl-istess waqt tittratta lil-LSEs b’mod differenti u tiddiskrimina bejn il-grad tagħhom u dawk ta’ edukaturi oħrajn mingħajr raġuni valida. Għaldaqstant, ir-rakkomandazzjoni finali hi li din il-prattika għandha tieqaf immedjatament u li s-seniority għandha tiġi stabbilita skont id-data tal-ingaġġ u s-servizz rikonoxxut.
Jidhirli li la darba dan ir-rapport qiegħed jitfa’ dawl fuq din il-kwistjoni, bħala politiċi rridu nindirizzawha sabiex kull deċiżjoni tkun ġusta imma fl-istess waqt tinkoraġġixxi l-avvanz professjonali tal-LSEs kollha fil-grad. Wasal ukoll iż-żmien li tkun diskussa serjament il-kwistjoni tal-warrant għal dan il-grad. Nikkonkludi billi nirringrazzja lil-LSEs li jagħmlu ħafna xogħol – li kultant ma jidhirx – sabiex ħafna tfal u żgħażagħ bi ħteġijiet differenti jkomplu bit-traġitt edukattiv tagħhom.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 21 ta’ Jannar , 2026.
//= $special ?>

