Opinjoni

Opinjoni: Mitt sena mill-Fużjoni

Richard Muscat
Il-President Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi

Wara li l-Partit Nazzjonalista ċċelebra l-145 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, illum qed infakkru data oħra storika fl-istorja glorjuża tal-PN.
Din id-data għandha importanza sinifikanti peress li tfakkar il-fużjoni bejn żewġ partiti li kienu l-Unione Politica Maltese (UPM), taħt it-tmexxija ta’ Mons. Ignazio Panzavecchia, u l-Partito Democratico Nazionale (PDN), immexxi minn Enrico Mizzi.
Infatti fis-16 ta’ Jannar 1926 twieled dak li għadu magħruf sal-lum bħala l-PN, li hu tkomplija tal-Partit imwaqqaf minn Fortunato Mizzi fl-1880.
Għalhekk illum permezz ta’ Il-Mument, ser nagħtu ħarsa lejn din il-paġna storika tal-PN u naraw kif żviluppat l-idea tal-fużjoni bejn iż-żewġ partiti.
Nibdew biex naraw minn kienu l-UPM u l-PDN.

Il-PDN ta’ Enrico Mizzi
Il-PDN kien immexxi minn Enrico Mizzi. L-oriġini ta’ dan il-Partit tmur lura lejn l-Anti-Riformisti li waqqaf Fortunato Mizzi fl-1880.
L-isem ta’ dan il-Partit ġie mibdul u magħruf bħala Partito Nazionale fl-1903. Enrico Mizzi, iben Fortunato, waqqaf partit li jkompli fejn kien ħalla missieru, bl-isem Partito Democratico Nazionalista (PDN) fl-1921.
Tajjeb niftakru li f’Mejju tal-istess sena (1921) kienet ġiet fis-seħħ il-Kostituzzjoni ġdida li tana l-Parlament Malti. Daħal fix-xena politika wkoll il-Konti Gerald Strickland. Ħafna Maltin ma ħadux gost bir-ritorn ta’ Strickland peress li kien diġà iddiżappunta meta snin qabel kien Segretarju Prinċipali tal-Gvern, u l-poplu dan ma nsih qatt.
Nerik Mizzi u sħabu ħassew il-ħtieġa li l-partit tagħhom jiddistingwi ruħu mill-partiti l-oħrajn, speċjalment bl-isem tal-partit.
Għalhekk fl-10 ta Mejju 1921, fid-dar nru. 113 Strada Levante, il-Belt, l-Assemblea Kostitwenti tal-partit unanimament approvat l-Istatut tal-Partit. B’hekk Enrico Mizzi uffiċjalment waqqaf il-partit tiegħu bl-isem ta’ Partito Democratico Nazionalista. Il-kampanja elettorali kienet ispirata mill-motto Religio et Patria.
Il-PDN kellu bħala l-ġurnal uffiċjali tiegħu “L’Eco di Malta e Gozo”, immexxi mill-istess Enrico Mizzi. L-ewwel ħarġa tal-ġurnal kienet nhar il-15 ta Lulju 1921. Dan il-ġurnal, li ħalla isem kbir fil-ġlieda ġurnalistika patrijottika nazzjonalista, kellu bħala rogramm “li jwassal wirt missirijietna lil uliedna; b’aktar intressament assidwu u tenaci lejn il-haddiema ta l-id fl-għelieqi, fl-uffiċini, fl-industriji lokali.”
L-ewwel Kungress sar fil-Hotel de France (44 Strada Stretta) il-Belt fil-5 ta’ Ottubru 1921. Ġiet diskussa l-qagħda politika preżenti, u r-relazzjoni bejn il-PDN u l-UPM.
Fl-elezzjoni li saret dik is-sena stess, il-PDN kellu erba’ kandidati u tellagħhom kollha. L-erba’ eletti kienu kollha mid-distrett ta’Għawdex. Riżultat uniku fl-istorja. Dawn kienu l-Av Luigi Camilleri, Mons A. M. Hili, l-Av Ġuzè Micallef, u l-Av Enrico Mizzi.
Bi tħejjija għall-elezzjonijiet li kellhom isiru fl-1924, inżamm il-Ħames Kungress tal-PDN fil-154 Strada Stretta, il-Belt. Dan il-Kungress, barra mill-programm elettorali, ikkonferma formalment li “dak li fedelment qed ikompli l-PN li kien waqqaf il-mibki patrijott Fortunato Mizzi”.
Fl-elezzjoni il-PDN tella’ ħames kandidati biss. L-UPM kien l-akbar partit b’erbatax-ilkandidat eletti. Il-Constitutional Party u l-Labour Party tellgħu għaxar u seba’ kandidati rispettivament.
Il-Gvern ta koalizzjoni kien bejn l-UPM u l-PDN. Enrico Mizzi u Carlo Mallia kienu ministri. Wara din l-elezzjoni beda jinħass il-bżonn ta’għaqda bejn iż-żewġ partiti. Infatti dawn kellhom kważi l-istess programmi u għanijiet politiċi. Il-Patria kien insista fl-editorjal tiegħu li “kienet dannu kbir il-firda għal kawza nazzjonali, li biha jirbaħ biss l-għadu.”

L-Unione Politica Maltese
Infatti Strickland kien infexx f’sensiela kbira ta’ libelli (madwar 150 libell) kontra Enrico Mizzi u l-istampa Nazzjonalista. Il-maġġoranza kbira ta’ dawn il-libelli, intiżi minn Strickland biex isikket il-vuċi Nazzjonalista, tilifhom wieħed wieħed.
Mons. Ignazio Panzavecchia waqqaf l-UPM fl-1920 bis-saħħa tal-fużjoni tal-Comitato Patriottico mal-Associazione Politica Maltese.
Iżda ejja naraw min kien Mons. Panzavecchia. Dan il-Monsinjur kien wieħed mis-saċerdoti Maltin l-aktar magħrufin fil-bidu tas-seklu għoxrin.
Twieled fil-21 ta Novembru 1855 fl-Isla mill-ġenituri Liborio Panzavecchia u Katarina Cuschieri. Kien ordnat saċerdot f’Diċembru 1879. Sar Kanonku tal-Kolleġjata tal-Isla. Ta’ 36 sena ġie magħżul bħala r-rappreżentant tal-Knisja fil-Kunsill tal-Gvern.
Ispirat mit-tagħlim tal-Knisja, Panzavecchia kien ammiratur kbir tal-kultura Taljana li hu dejjem qiesha bħala l-qofol tal-kultura Ewropea u Latina.
Fl-1910 waqqaf il-Comitato Patriottico bil-għan li l-Maltin, b’sens patrijottiku, ma jippermettu qatt li jiġu mgħaffġin mill-Ingliżi. Filwaqt li huwa żamm dejjem il-ġlieda politika tiegħu biex Malta jkollha drittijiet kostituzzjonali tagħha, u filwaqt li jibqa’ leali lejn il-Gvern Ingliż, Mons. Panzavecchia ħa sehem attiv fl-Assemblea Nazzjonali tal-1918 taħt it-tmexxija ta’ Sir Filippo Sciberras. Fl-istess ħin waqqaf il-partit tiegħu UPM.
Fl-elezzjoni tal-1921 il-UPM ta’ Panzavecchia ġab l-akbar ammont ta’ voti, u kif għidna qabel, tella’erbatax-il kandidat tiegħu f’dan l-ewwel Gvern bil-Kostituzzjoni ġdida. Iżda hu ma aċċettax li jkun Prim Ministru minħabba li kien saċerdot. Għalhekk, minfloku Joseph Howard sar Prim Ministru.
Howard ma damx Prim Ministru aktar minn sena. Francesco Buhagiar, li sar Prim Ministru ġdid, ukoll irriżenja peress li sar Imħallef. Floku bħala Prim Ministru sar Dr Ugo P. Mifsud.
F’seduta tal-UPM tat-8 ta’ Ottubru 1924 tressqet riżoluzzjoni biex il-Partit jiftaħ diskussjonijiet ta’għaqda mal-PDN. Ir-riżoluzzjoni għaddiet unanimament u ġiet komunikata lilEnrico Mizzi. Dan sejjaħ laqgħa tal-PDN fit-13 ta l-istess xahar li fiha ġiet diskussa r-riżoluzzjoni u għaddiet unimament.
Wara xi emendi miż-żewġ naħat, sar qbil fuq verżjoni definittiva li wasslet għall-ftehim. Twaqqfet Kummissjoni komposta minn Ugo P. Mifsud u n-Nutar Salvatore Borg Olivier għall-UPM, u minn Erico Mizzi u l-Prof Carlo Mallia għall-PDN. Il-Konti Caruana Gatto u Prof Patri Majjistru Anastasio Cuschieri kienu kordinaturi. Ġie deċiż ukoll li matul il-leġiżlatura li kienet bdiet, jitkompla l-programm elettorali tal-UPM.
Mons. Ignazio Panzavecchia miet f’Awwissu tal-1925 fl-età ta’sebgħin sena. Il-funeral sar fil-Kattidral tal-Imdina fejn jinsab midfun.
Huwa ħalla l-librerija rikka tiegħu lill-Kunvent tad-Dumnikani fil-Birgu, li iżda, intilfu ħafna mill-kotba fit-tifrik tal-istess kunvent waqt attakk mill-ajru f’April 1942.
Proprju f’dan ix-xenarju politku, bil-Gvern ta’ koalizzjoni bejn il-UPM u l-PDN, inħasset il-ħieġa urġenti biex iż-żewġ partiti Nazzjonalisti jingħaqdu u ma jibqgħux forzi mifrudin.

Il-fużjoni
Il-PDN sejjaħ is-Sitt Kungress Nazzjonali fis-16 ta’ Mejju 1925 fid-dar nru 34 Strada Stretta, il-Belt li għalih attendew madwar 350 membru. Dan il-Kungress kien ta’ importanza kbira u storika. Infatti ddiskuta l-ħtieġa tal-fuzjoni bejn iż-żewġ partiti. Ġie diskuss ukoll l-istatut ġdid li kellu jiġi approvat wara l-fużjoni bejn l-istess partiti.
Nerik Mizzi qal li l-għaqda trid tkun mibnija fuq dawn il-prinċipji fondamentali: tkomplija tal-Partito Nazionale mwaqqaf minn Fortunato Mizzi; difiża tar-Reliġjon Kattolika Rumana; difiża tan-nazzjonalità Maltija, eminentement Latina, u tal-lignwa Taljana, bit-tagħlim tal-lingwi Taljan u Ingliż, jimxi mal-“pari passu”; żvilupp morali, ekonomiku u intellettwali tal-klassijiet soċjali skont it-tagħlim tal-Enċiklika Rerum Novarum; lealtà lejn il-Kuruna Ingliża, filwaqt li jippromwovi l-qagħda ta’ Malta fi ħdan il-Federazzjoni Imperjali ( illum il-Commonweath).
Wasalna issa għad-data miktuba b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-PN.
Din hija is-16 ta’ Jannar 1926, li tfisser il-fużjoni (għaqda ta’ żewġ fehmiet f’wahda) bejn il-PDN u l-UPM. Nerik Mizzi għamilha ċara li “l-Partit tal-Unione ma ġiex assorbit mill-partit tiegħi, iżda amalgama ruħu u ngħaqad mal-PDN.”
Fl-Auberge D’Aragon, uffiċċju tal-Prim Ministru, f’atmosfera ta’ festa u ta’ ferħ, iltaqgħu l-membri taż-żewġ partiti, flimkien ma’ ħafna nazzjonalisti oħra. Kienu preżenti rappreżentanti tal-klassijiet kollha tas-soċjetà Maltija.
It-tmexxija tal-PN kienet ta’ trijumvirat, jiġifieri Enrico Mizzi, Ugo P. Mifsud u l-Konti Alfredo Caruana Gatto. Dawn, akkompanjati mill-Prof. Patri Anastasio Cuschieri, Karmelitan, daħlu fis-sala imħejjija għalihom fejn kellhom laqgħa b’entużjażmu kbir.
Hawn Prof. Cuschieri iddikjara li l-PDN u l-UPM m’għadhomx jeżistu, u minflokom sar il-Partit Nazzjonali. Il-Kumitat ta’ tmexxija kien magħmul minn erbgħin membru, għoxrin minn kull partit li jinkludu l-membri kollha parlamentari tagħhom.
Caruana Gatto stqarr li: “l-PN ma spiċċax u li s-seduta imsejħa għall-għaqda taż-żewġ partiti hija l-akbar prova…dawn iż-żewġ partiti kienu bħal żewġ roti ta’ karrettun ullum saru rota waħda bl-apporvazzjoni tal-membri tagħhom.”
Kien hemm xi differenzi bejn Enrico Mizzi u Ugo Mifsud fejn tidħol il-lingwa Taljana. Mizzi pjuttost iebes fuq il-linja tiegħu, u Mifsud kemxejn jiftaħgħal-lingwa Ingliża. Infatti kif għidna qabel, Mizzi kien aċċetta li jimxi mal-proċess tal-“pari passu”.
Biex jissokta jissaħħaħ, il-Partit Nazzjonali akkwista l-ġurnal MALTA (imwaqqaf minn Fortunato Mizzi), u minflok Prof Carlo Mallia, bħala editur ġie maħtur Enrico Mizzi. Sena wara ġiet inawgurata s-“sede” ġdida tal-PN fid-dar nru 79 Strada Stretta, il-Belt.
Strickland għamel oppożizzjoni mill-aktar negattiva kontra l-għaqda taż-żewġ partiti, kif ukoll kontra l-Gvern immexxi minn Ugo P. Mifsud.

Carmelo Mifsud Bonnici
Waqt il-Kungress tal-Partit Nazzjonali li sar fit-18 ta Diċembru 1926, Carmelo Mifsud Bonnici (il-Gross) għamel appell qawwi lin-Nazzjonalisti biex iżommu “id-dixxiplina ta partit a kost ta kwalunkwe sagrificcju, biex jagħmlu, a fuvur tal-partit, propaganda l-aktar assidwa u jikkumbattu bil-kuragg l-avversarji kollha, għl kwalunkew kategorija huma jappartjenu, kemm jekk huma Striklandjani, igħidu li huma Laburisti jew Nazzjonalisti disfattisti.” Attendew għal dan il-Kungress aktar minn 2,500 membri.
Il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonali ġdid ikkonferma l-prinċipji li fuqu saret il-fużjoni bejn iż-żewġ partiti fis-16 ta Jannar 1926.
Żdiedu ma’ dawn bosta proposti soċjali, infrastruttura, ekonomija, sptar,xogħlijiet pubbliċi u toroq ġodda, djar għall-ħaddiema, turiżmu, skejjel, servizz ta’ telefon ġdid bejn Malta u Għawdex, tkabbir tas-servizz elettriku u tal-ilma, riorganizzazzjoni tal-Kodiċi Kummerċjali, riforma fit-tariffia tad-Dwana, u oħrajn.
Il-PN, sa minn żmien Fortunato Mizzi, ried li Malta tibqa’ Maltija, filwaqt li l-Partit Kostituzzjonali ried li Malta ssir Ingliża. Hekk iż-żewġ forzi politiċi kbar kellhom il-viżjoni politika tagħhom kristallizzata.
Biex jagħtu risposta għal din il-fużjoni li tat saħħa ġdida lill-PN, Strickland ipprova jingħaqad mal-Partit Laburista, iżda dan ma aċċettax. Minflok l-għaqda bejniethom, kien sar ftehim bejn il-Partit Kostituzzjonali u dak Laburista fil-25 ta Jannar 1926 li kien magħruf bħala l-Compact.
Il-Kungress approva 36 kandidati li ħarġu fi-tminn distretti.
L-elezzjoni generali tal-1927 kellha dan ir-riżultat:
Partit Kostituzzjonali: 15 eletti; PN: 14; Partit Laburista: 3.
Wieħed mill-ewwel skandli tal-Gvern ta’ Strickland kien tfittxija ġenerali fid-dar privata ta’ Sir Ugo Mifsud u tal-Av Carmelo Mifsud Bonnici (il-Gross). Il-ġurnal MALTA kkundannat din it-“tirannija u despotiżmu.”
Kienu snin ta’ amministrazzjoni ta’ Strickland mimlija arroganza. Saħansitra huwa pprova kemm felaħ jemenda l-Kostituzzjoni biex itawwal is-snin tiegħu fil-poter. Għamel gwerra ta’ propaganda stampata kontra l-esponenti tal-PN, u numru ta’ libelli kontra senaturi Nazzjonalisti bil-għan li jitfi mis-saħħa tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Każ serju ħafna kien dak li fl-20 ta’ Mejju 1928 meta tpoġġiet bomba mad-dar tas-Senatur Nazzjonalista Żebbuġi, in-Nutar Salvu Borg Olivier.

Fortunatament, bomba ma tisplodix
Fortunatament il-bomba ma splodietx. Il-poplu ipprotesta kontra dan l-attentat fuq il-ħajja ta’ Borg Olivier; u saret manifestazzjoni kbira ta’ solidarjetà miegħu fiċ-Ċirkolu tal-Banda La Vallette, li tiegħu kien Viċi-President.
F’din l-istess sena 1928, Malta kellha luttu kbir meta miet Sir Filippo Sceberras, li kien ħabib mill-qrib ma’ Fortunato Mizzi. Huwa jibqa’ jissemma’ fl-istorja għall-appell tiegħu li wassal għall-Assemblea Nazzjonali li hu mexxa sal-ftuħ tal-ewwel Parlament Malti fl-1921.
B’hekk dak li kien magħruf bħala “tandem” fl-iżvilupp tal-istorja politika fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu għoxrin, Fortunato Mizzi u Sir Filippo Sceberras, għadda għall-istorja.
Iż-żminijiet tbiddlu; is-soċjetà Maltija tbiddlet; Malta ħadet postha fost il-ġnus u saret membru fl-Unjoni Ewropea. Saret metamorforsi storika. Iżda xorta jibqa’ importanti nkunu nafu minn fejn tlaqna.
Hekk rajna din il-fażi tal-istorja glorjuża tal-PN li tajjeb infakkruha. Il-protagonisti kbar ta’ dan il-kapitlu kienu persunaġġi politiċi storiċi u ta’ fama kbira.
Enrico Mizzi, Carlo Mallia, Carmelo Mifsud Bonnici, Mons Ignazio Panzavecchia, Sir Ugo P. Mifsud, Alfredo Caruana Gatto, Prof. Anastasio Cuschieri, Mons Enrico Dandria, in-Nutar Salvatore Borg Olivier, fost l-oħrajn.
Xieraq li fl-okkażjoni tal-mittanniversarju mill-fużjoni taż-żewġ partiti niftakru u nsellmu lil dawn il-patrijotti Maltin Nazzjonalisti u sħabhom.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18  ta’ Jannar, 2026.