Roderick Caruana
Kunsillier Lokali
f’isem il-PN Raħal Ġdid
Ħafna residenti qaluli li japprezzaw meta membru parlamentari, kandidat jew kunsillier iħabbat il-bieb tagħhom biex jismagħhom bla ritratti jew wirjiet żejda.
Qaluli li dan l-approċċ aktar diskret jagħtihom serħan tal-moħħ biex jiftħu qalbhom u jitkellmu b’mod sinċier dwar l-isfidi tagħhom. Dawn il-konversazzjonijiet ifakkru li l-politika qatt m’għandha tinbidel f’wirja, għax il-fiduċja vera tinbena fis-silenzju, fl-umiltà u fis-sinċerità.
Mankanzi fl-Isptar Ċensu Moran
Nemmen f’pajjiż fejn il-politika tifhem lill-nies mhux biss mill-istatistiċi, għax aħna bnedmin b’ġisem u ruħ u mhux numri fuq karta.
Ħafna mill-kwistjonijiet imqajma f’dawn l-aħħar ġimgħat kienu relatati mas-saħħa, speċjalment l-esperjenzi fl-Isptar Ċensu Moran.
Numru ta’ familji qaluli li stennew aktar minn erba’ sigħat biex jaraw tabib, anke meta l-każ tagħhom kien urġenti. Ir-residenti għamluha ċara li t-tobba u l-infermieri qed jagħtu l-aħjar tagħhom u jistħoqqilhom kull rispett. Iżda fl-istess ħin ħassew li l-Isptar huwa manifestament nieqes mill-istaff u mhux mgħammar biżżejjed biex ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber.
Ġenitur wieħed spjegali li meta t-tifel tiegħu kellu bżonn nebuliser u ossiġnu minħabba diffikultà biex jieħu n-nifs, kellu xorta jistenna ħafna aktar milli mistenni.
Resident ieħor qal li kien hemm ħin meta kien hemm tabib wieħed biss għall-pazjenti walk-in kollha. Dawn l-esperjenzi mhumiex kritika lejn il-professjonisti tas-saħħa; huma indikazzjoni ta’ problema strutturali aktar profonda f’pajjiż li qed jikber b’rata mgħaġġla mingħajr ippjanar adegwat tas-servizzi.
Jeħtieġ investiment fil-persunal u pjan ċar li jindirizza l-impatt tat-tkabbir tal-popolazzjoni fuq is-servizzi tas-saħħa.
Il-kwistjonijiet ambjentali u tas-saħħa pubblika kienu wkoll fuq nett tal-preokkupazzjonijiet. Għalkemm mhux ser nerġa’ niftaħ id-dibattitu kollu dwar il-ġeneratur ta’ Marsa, ħafna residenti fakkru kif l-emissjonijiet qed ikomplu jaffettwaw il-kwalità tal-arja.
Aħna li ngħixu qrib il-port qed inħossu li l-arja tagħna hija mniġġsa. Numru ta’ familji qaluli li qed jiffaċċjaw problemi respiratorji, speċjalment it-tfal u l-anzjani, u li ħafna minnhom qed jispiċċaw jużaw in-nebuliser fl-isptar.
Jeħtieġ monitoraġġ tal-arja b’rapporti trasparenti u mwettqa minn esperti professjonali, mhux minn pressjoni politika.
Suġġett importanti ieħor kien il-miżura l-ġdida fil-Baġit dwar ir-riduzzjoni fit-taxxa għal ġenituri b’żewġt itfal. Għall-ewwel daqqa t’għajn, tidher miżura pożittiva. Iżda diversi nies indikawli li r-riduzzjoni marbuta mal-parentela tat-taxxa tfisser li ġenituri b’pagi baxxi se jieħdu l-istess ammont bħal dawk bi pagi għoljin — iżda dawk b’pagi għoljin jibbenefikaw aktar.
Dan joħloq squilibriju fejn it-tfal f’djar bi pagi ogħla jirċievu aktar appoġġ minn tfal f’djar umli. Hija miżura li tidher inqas soċjali u aktar riforma li tagħti aktar lil min diġà jinsab f’pożizzjoni aktar b’saħħitha.
Jeħtieġ mekkaniżmu li jżomm bilanċ, biex it-tfal kollha jibbenefikaw bl-istess opportunità u mhux biss dawk li ġejjin minn ġenituri b’pagi ogħla.
Ir-rotta lejn Katanja
Kwistjoni oħra li qamet kienet id-deċiżjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru, KM Malta Airlines, li tneħħi r-rotta lejn Katanja. Resident fakkarni li din ir-rotta kienet teżisti għal aktar minn 45 sena u dejjem kienet mimlija taħt Air Malta.
Illum, il-linja nazzjonali tagħna tat rigal assi prezzjuż lill-kompetituri tagħha. Bosta nies iħossu li KM Malta Airlines qed titmexxa b’aġenda li mhix tagħti prijorità lill-interess nazzjonali, speċjalment meta rotot storiċi u strateġiċi jitilfu kontroll Malti u jingħataw lil linji barranin.
Suġġett li deher ħafna fuq il-midja soċjali kien kemm xi politiċi qed jagħmlu ossessjoni bir-ritratti. Ħafna min-nies mill-għeruq tal-Partit Laburista qaluli li xi ministri, deputati u esponenti Laburisti huma aktar imħassba biex jieħdu ritratti milli jagħmlu xogħol reali.
Imma nemmen li rridu nħarsu wkoll lejna bħala Partit Nazzjonalista u nistaqsu jekk xi kultant aħna nkunux qed naqgħu fl-istess żball. Il-kredibbiltà politika ma tkejjilx bir-ritratti iżda bin-numru ta’ nies li tassew ngħinu.
Irridu nkomplu naħdmu
Stħarriġijiet tal-opinjoni pubblika li saru fil-ġimgħat li għaddew juru li l-Partit Nazzjonalista għamel qabża ’l quddiem — sinjal pożittiv. Iżda kif qal il-Kap tagħna Alex Borg, dan mhux biżżejjed. Irridu nżidu l-ħidma tagħna, nibqgħu qrib in-nies u nżommu saqajna mal-art. Hekk biss nistgħu nibnu Malta u Għawdex aħjar; għall-familji tagħna u għall-futur ta’ wliedna.
Iż-żjarat li għamilt f’dawn l-aħħar ġimgħat, flimkien mad-diskorsi tal-Kap Alex Borg, fakkru fija verità li xi kultant tintesa: il-politika vera tibda fid-djar tan-nies. Meta tidħol f’dar u tisma’ minn fomm il-familji x’inhuma jgħaddu minnu, hemm tifhem il-veri sfidi tal-ħajja ta’ kuljum. Dawn il-konversazzjonijiet jagħtuni l-enerġija u r-rieda biex inkompli naħdem għall-ġid komuni.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

