Opinjoni

Opinjoni: Sitt snin ta’ fallimenti kontinwi

Fl-aħħar ġimgħat smajna ħafna daqq tat-trombi mill-Partit Laburista biex ifakkruna li Robert Abela ħa t-tmexxija tal-PL sitt snin ilu... fi gvern li ilu jmexxi għal kważi ħmistax-il sena u fejn hu kien konsulent

Angelo Micallef
Sindku
Kunsill Lokali Ħal Balzan

Kien proprju fit-12 ta’ Jannar 2020 meta Robert Abela kien elett bħala l-Mexxej Laburista l-ġdid wara li għeleb l-isfida ta’ Chris Fearne u dan fl-isfond ta’ taqlib politiku kbir hekk kif Novembru u Diċembru tas-sena preċidenti kienu karatterizzati minn protesti kbar mis-soċjetà ċivili fil-konfront tal-predeċessur ta’ Robert Abela… Joseph Muscat.
Hekk kif issa Robert Abela ilu fit-tmun ta’ pajjiżna proprju sitt snin ikun ġust li wieħed jibda jkejjel biex x’jara x’kisbiet għamel pajjiżna tul dawn is-snin ta’ tmexxija ta’ Robert Abela.

L-ambjent mar lura bħal granċ
Fil-qasam ambjentali s-suċċessi ta’ Robert Abela huma notevoli ħafna. Biżżejjed wieħed isemmi l-kwalità tal-arja f’pajjiżna li b’mod konsistenti tiġi ċċertifikata bħala waħda mill-agħar fl-Unjoni Ewropea.
U xi ngħidu għall-baħar f’pajjiżna fejn fl-aħħar xhur spikkaw l-inċidenti ta’ tniġġis tal-baħar ta’ pajjiżna tant li llum il-ġurnata storja bħal dik kważi kważi ma għadiex tkun waħda xokkanti daqs bħalma xi darba kienet.
U naturalment hemm imbagħad il-proposta li fl-aħħar jiem Robert Abela reġa’ qajjem, dwar il-bidla fil-liġi tal-ippjanar li maqgħuda kontra tagħha hemm prattikament kull għaqda ambjentali f’pajiiżna.
Tassew li f’sitt snin ta’ Robert Abela l-ambjent f’pajjiżna mar lura bħal granċ!

Ebda niċċa ekonomika ġdida
Gvernijiet Nazzjonalisti mmexija minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi fetħu bosta niċeċ ekonomiċi ġodda għal pajjiżna.
Minn pajjiż b’ekonomija dgħajfa sirna ċentru ta’ servizzi finanzjarji u tal-gaming.
Wara kważi ħmistax-il sena ta’ Gvern Laburista, dawn għadhom jagħtu l-frott ta’ kuljum u għadhom jipprovdu lil pajjiżna impjiegi ta’ kwalità.
X’niċeċ ekonomiċi ġodda ġab għal pajjiżna Robert Abela? Qalulna li se nsiru l-blockchain island u issa qed jgħidu li ħa nsiru ċentru ta’ eċċellenza fl-AI; imma wara snin f’Kastilja Robert Abela m’għandu xejn x’juri f’termini ta’ niċċeċ ekonomiċi ġodda.

Sfidi mhux indirizzati
Pajjiżna, bħal kull pajjiż ieħor, għandu numru ta’ sfidi. Sfida ta’ popolazzjoni tiżdied li ġġib magħha pressjoni ġdida fuq l-infrastruttura f’pajjiżna.
Sfida fis-servizz tas-saħħa pubblika; sfida fit-trasport f’pajjiżna u sfida fl-edukazzjoni. Wara sitt snin ta’ Robert Abela pajjiżna għadu b’servizz tas-saħħa li mhux ilaħħaq u li għandu bżonn investiment frisk u ġdid; pajjiżna għadu mwaħħal f’serbut twil ta’ traffiku li jibda mill-ponta ta’ Birżebbuga, Marsaxlokk u Marsaskala u jibqa’ sejjer sat-tarf tal-Mellieħa mit-Tnejn sal-Ħadd, min filgħodu sa filgħaxija; pajjiżna għad għandu sfidi enormi fl-edukazzjoni.
F’sitt snin mhux biss ma rajniex soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi, talli saħansitra rajna dawn l-isfidi jkomplu jikbru u jiżdiedu.

Governanza tajba
Meta laħaq Prim Ministru sitt snin ilu, Robert Abela qalilna li huwa kien sar jara li f’pajjiżna jkollna governanza tajba. Iżda bħalma jgħid it-Taljan, tra il dire e il fare c’e’ di mezzo il mare.
Wara sitt snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru xi ħaġa ovvja u sempliċi bħal jekk ministru għandux jagħmel id-dikjarazzjoni annwali tal-assi tiegħu għadha suġġett ta’ kontroversja politika.
L-iskandli għadhom l-ordni tal-ġurnata, bħalma għadhom il-ħatriet għal tal-qalba fejn meta tkun it-tifel jew tifla tal-Ministru malajr issib ruħek bħala direttur f’xi bord tal-Gvern u bħalma għadhom xi ħaġa ta’ kuljum ukoll id-direct orders fejn jiffangaw tal-qalba a’ spejjeż ta’ kulħadd.

Kollox dlam?
Naturalment qatt ma’ kont wieħed li nemmen li kollox hu dlam u iswed u m’inix ser nipprova ngħid hekk fuq Robert Abela. Kien hemm aspetti li kienu pożittivi però meta wieħed jitfa’ kollox fuq il-miżien hemm mistoqsijiet serjissimi li qed ikollhom impatt enormi fuq pajjiżna.
Fl-editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday tal-Ħadd 11 ta’ Jannar ġie miktub hekk fuq it-tmexxija ta’ Robert Abela, “a growing unease about the direction of the country: about weakened checks on power, hesitant leadership in the face of ethical controversy, and a development model that prioritises short-term growth over quality of life”.
Huwa ċar li pajjiżna jeħtieġ tama ġdida; viżjoni ġdida, mod ġdid kif issir il-politika. Huwa ċar li pajjiżna jeħtieġ li jkollu min joffrilu alternattiva ċara. Hawn tidħol il-missjoni u dover tal-Partit Nazzjonalista; missjoni u dover li m’għandi ebda dubju l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija enerġetika ta’ Alex Borg se jaqdi bl-aħjar mod.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tat-18  ta’ Jannar, 2026.