Żewġ ċittadini Rumeni ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi wara li ammettew l-involviment tagħhom f’serqa minn ħanut li jinsab fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.Dragos Ionel Radu, ta’ 48 sena, ammetta quddiem il-Qorti li fis-17 ta’ Jannar li għadda wettaq serqa ta’ flus kontanti u diversi oġġetti misruqa mill-ħanut.
Min-naħa tiegħu, George Polizu, ta’ 54 sena, ammetta li kien fil-pussess ta’ oġġetti li rriżultaw li kienu misruqa. Qabel ma ngħatat is-sentenza, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkunsidrat li l-flus u l-oġġetti misruqa kienu kollha rkuprati mill-Pulizija u jinsabu fil-kustodja tagħha, u li dawn se jiġu ritornati lis-sidien leġittimi tal-ħanut.
Il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-ammissjoni bikrija tal-ħtija mill-imputati, kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat sabithom ħatja u kkundannathom sentejn ħabs sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin. Il-każ kien investigat mill-Ispettur Christian Abela.
//= $special ?>

