It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, ippresedut mill-Maġistrat Gabriella Vella, ċaħad l-appell imressaq minn Drive Automotive Co. Ltd. u kkonferma d-deċiżjoni tal-Kummissarju tat-Taxxa u d-Dwana li jikkonfiska żewġ vetturi li kienu ġew importati mir-Renju Unit u li baqgħu taħt ħażna temporanja lil hinn mit-terminu legali ta’ 90 jum.
Id-deċiżjoni tirrigwarda żewġ vetturi, Land Rover Discovery u Nissan Qashqai, li waslu Malta fit-18 ta’ Frar 2023 u tqiegħdu f’Laboratory Wharf. Skont il-liġi Ewropea u dik Maltija, il-vetturi kellhom jitqiegħdu taħt proċedura doganali jew jiġu esportati mill-ġdid fi żmien 90 jum, terminu li skada fid-19 ta’ Mejju 2023 mingħajr ma saret id-dikjarazzjoni meħtieġa.
Is-soċjetà appellanti argumentat li n-nuqqas seħħ minħabba żball amministrattiv ġenwin minn impjegata ġdida li naqset milli tinduna b’email ta’ notifika dwar il-wasla tal-vetturi. Drive Automotive sostniet li ma kellha l-ebda intenzjoni tabbanduna l-vetturi u li l-miżura tal-konfiska kienet sproporzjonata, speċjalment fid-dawl tal-fatt li kienet hi stess li infurmat lid-Dwana bl-iżball wara li dan seħħ.
Il-kumpanija insistiet ukoll li l-awtoritajiet setgħu jadottaw miżuri alternattivi, bħal multi jew ħlasijiet addizzjonali, minflok il-konfiska li tista’ twassal għall-bejgħ jew distruzzjoni tal-vetturi. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tat-Taxxa u d-Dwana sostna li l-liġi hija ċara u stretta u ma tagħtix diskrezzjoni f’ċirkostanzi fejn it-terminu ta’ disgħin jum ikun skada minħabba nuqqas attribwibbli lill-importatur.
Id-Dwana argumentat li ma hemm l-ebda obbligu legali li tintbagħat twissija qabel l-iskadenza tat-terminu u li r-responsabbiltà li l-oġġetti jitqiegħdu taħt proċedura doganali fiż-żmien stipulat taqa’ kompletament fuq min jimportahom.
Fit-tħaddim tad-deċiżjoni, it-Tribunal analizza fid-dettall ix-xhieda u d-dokumenti prodotti u osserva li l-email li avżat dwar il-wasla tal-vetturi kienet intbagħtet mhux biss lill-impjegata ġdida, iżda wkoll lil persuna oħra fi ħdan il-kumpanija.
Dan wassal lit-Tribunal għall-konklużjoni li r-raġuni vera għaliex il-vetturi ma ġewx ipproċessati fiż-żmien ma ġietx spjegata b’mod sod u li n-nuqqas ma setax jitqies bħala wieħed barra mill-kontroll tas-soċjetà. It-Tribunal irrimarka wkoll li l-liġi ma timponix obbligu fuq id-Dwana li tfakkar lill-importaturi dwar l-iskadenza tat-terminu ta’ ħażna temporanja u li kwalunkwe prassi li setgħet teżisti fil-passat ma toħloqx aspettattiva leġittima li tista’ tegħleb dispożizzjonijiet ċari tal-liġi.
F’dan il-kuntest, ġie enfasizzat li d-diskrezzjoni prevista fil-liġi tista’ tiġi eżerċitata biss f’każijiet fejn in-nuqqas ikun dovut għal raġunijiet barra mill-kontroll tal-importatur, ħaġa li ma ġietx ippruvata f’dan il-każ.
Għaldaqstant, it-Tribunal iddeċieda li d-deċiżjoni tal-Kummissarju tat-Taxxa u d-Dwana kienet waħda legalment ġustifikata u proporzjonata u ċaħad l-appell ta’ Drive Automotive Co. Ltd., u b’hekk ikkonferma l-konfiska taż-żewġ vetturi.
//= $special ?>

