Trident Park, ir-riġenerazzjoni tal-birrerija antika ta’ Farsons, ingħata l-BREEAM Excellent Design Stage Certificate, ċertifikat li jirrikonoxxi l-kredenzjali tas-sostenibbiltà tad-disinn tal-proġett u l-konformità ma’ standards ambjentali internazzjonali.
Il-proċess li jwassal għaċ-ċertifikazzjoni BREEAM, jevalwa l-prestazzjoni ambjentali tal-iżvilupp ibbażat fuq l-intenzjonijiet tad-disinn, l-ispeċifikazzjonijiet, u l-istrateġiji ta’ sostenibbiltà, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-użu tal-ilma, il-materjali, is-saħħa u l-benesseri, u l-ġestjoni ambjentali. L-akkreditazzjoni ta’ Trident Park bħala BREEAM Excellent Design Stage Certificate tirrifletti kif il-prinċipju tad-disinn sostenibbli gie integrat sa mill-bidu nett tal-proġett, konsistenti mal-viżjoni ta’ kampus modern ta’ uffiċċji ekoloġiċi.
Charles Xuereb, CEO ta’ Trident Estates Plc ikkummenta: “Il-kisba ta’ din iċ-ċertifkazzjoni tirrifletti l-kwalità tad-disinn fi Trident Park, u tenfasizza l-integrazzjoni bikrija tal-prinċipji tas-sostenibbiltà fil-fażi tal-ippjanar u l-iżvilupp tal-proġett. Din il-kisba tafferma mill-ġdid l-impenn tagħna li nwasslu ambjenti tax-xogħol eċċezzjonali, li jappoġġjaw kemm il-ġestjoni ambjentali kif ukoll il-benesseri tal-bniedem. Tifforma parti mill-impenn wiesgħa tagħna għall-żvilupp responsabbli u l-evalwazzjoni kontinwa tal-assi tagħna skont standards stabbiliti.”
Iddisinjat mill-kumpanija ta’ fama internazzjonali Ritchie Studio Ltd. f’kollaborazzjoni mal-periti lokali TBA Periti, Trident Park jinkorpora karatteristiċi estensivi li jappoġġjaw il-prestazzjoni ambjentali, inkluż l-ottimizzazzjoni tad-dawl u ventilazzjoni naturali, spazji flessibbli u effiċjenti, btieħi u teknoloġiji tal-bini avvanzati. L-iżvilupp kien maħsub biex jissodisfa kodiċijiet ambjentali stretti, u jimminimizza l-impatt tal-karbonju, b’infrastruttura tal-enerġija u sistemi operattivi sostenibbli integrati fid-disinn tiegħu.
//= $special ?>

