Ambjent Lokali

Iktar minn 16,000 Zakak Abjad jidħlu jistrieħu fi tliet lokalitajiet f’Malta


L-għadd annwali tal-postijiet fejn jidħol jorqod iz-Zakak Abjad sar madwar Malta fis-17 ta’ Jannar 2026. Diversi voluntiera ta’ BirdLife Malta, fosthom birdwatchers, membri tal-pubbliku u s-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, inġabru flimkien biex jgħamlu monitoraġġ tal-popolazzjonijiet ta’ dan l-għasfur urban li jqatta’ x-xitwa magħna.

L-akbar u l-aktar roost li tagħha BirdLife Malta ilha tagħmel monitoraġġ kull sena sa mill-1985, tinsab fil-Belt Valletta. Hemmhekk, din is-sena ġew irreġistrati 13,686 Zakak Abjad li daħal jorqod fis-siġar maturi tal-ficus qrib il-Konkatidral ta’ San Ġwann u dawk ta’ quddiem il-Qorti. Voluntiera fil-Mosta irreġistraw 923 għasfur filwaqt li oħrajn f’Buġibba għoddew 1,712 Zakak Abjad. B’kollox it-total nazzjonali laħaq is-16,326 Zakak Abjad.

Il-birdwatchers ta’ BirdLife Malta wettqu l-għadd b’metodoloġija stabbilita, minn postijiet strateġiċi madwar il-belt kapitali. Il-koordinatriċi tal-konservazzjoni ta’ BirdLife Malta, Alice Tribe, li torganizza dan l-għadd annwali, qalet li din hija waħda mill-aktar inizjattivi ta’ citizen science li ilhom għaddejjin
f’Malta: “L-appoġġ kontinwu tal-voluntiera jippermettilna nsegwu xejriet fittul, filwaqt li nemfasizzaw l-importanza li nipproteġu l-ħabitati urbani li dawn lgħasafar jiddependu fuqhom matul ix-xitwa.”

Membri tal-pubbliku ingħaqdu mat-tim tal-Public Engagement ta’ BirdLife Malta fi Ġnien Hastings biex josservaw il-wasla minn dawn l-akwati ta’ mijiet ta’ Zakak Abjad lejn il-Belt ma’ nżul ix-xemx. Fl-attività ta’ din is-sena ingħaqad is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay, li ddeskriva din l-inizjattiva bħala eżempju notevoli ta’ kif in-natura tista’ timraħ f’ambjent urban: “L-appoġġ għal inizjattivi bħal dan l-għadd, jgħin biex jiżdied l-għarfien dwar il-bżonn li nieħdu ħsieb is-siġar u l-ispazji ħodor tagħna, kemm għan-natura kif ukoll għall-komunità.” Preżenti wkoll rapreżentant mill-bank APS li qed jappoġġja lillBirdLife Malta iżżid l-għarfien dwar l-għasafar urbani.

Fi tmiem l-attività, il-voluntiera, u membri tal-pubbliku nġabru quddiem il-Qorti, fejn osservaw iz-Zizka jistabbilixxu ruħhom fis-siġar tal-fikus permezz ta’ thermal camera, li biha l-għasafar ġew osservati mingħajr ma ġew imfixkla.

Iz-Zakak Abjad ipassi kull ħarifa mill-Ewropa biex iqatta’ x-xitwa fil-klima aktar sħuna ta’ Malta, u jinġabar f’postijiet ta’ mistrieħ komuni mal-għabex. Għalhekk BirdLife Malta tinsisti fuq l-importanza li jiġu protetti s-siġar maturi tal-ficus, li huma essenzjali għall-mistrieħ tal-għasafar, u tirrakkomanda li ma jinżabrux bejn Ottubru u Marzu biex ma jkunx hemm xkiel għall-għasafar li jorqdu fihom fix-xitwa.

Dan il-messaġġ reġa’ ġie emfasizzat ftit jiem wara, meta BirdLife Malta ppreżentat ċertifikat lis-Sindku tal-Belt Valletta li juri n-numru ta’ Zakak Abjad li qed jidħol jorqod il-Belt kull filgħaxija matul din ix-xitwa, u li jirrikonoxxi wkoll limportanza tal-ħarsien tas-siġar maturi tal-ficus fl-appoġġ tal-ħajja selvaġġa flurban.

BirdLife Malta tappella lill-pubbliku biex jgħin jipproteġi zoni b’siġar li fihom jorqdu l-għasafar, mhux biss fil-Belt Valletta iżda wkoll f’lokalitajiet oħra f’Malta u f’Għawdex. Kif rajna fil-Mosta fl-aħħar snin, l-għarfien pubbliku u l-appoġġ tal-komunità għandhom rwol kruċjali biex jiġi żgurat li s-siġar li fihom jorqdu l-għasafar, ikunu protetti minn żbir bla ħsieb, u b’hekk dawn is-siti jiġu salvagwardjati għax-xtiewi futuri.

BirdLife Malta tirringrazzja lill-voluntiera, lill-bank APS u lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għall-appoġġ kontinwu tagħhom fil-ħarsien ta’ dan il-fenomenu naturali li ilu jsir għal bosta snin.